Il-mira tal-Gvern li jnaqqas l-emmissjonijiet serra b’dsatax fil-mija sal-elfejn u tletin se tkun qed tiswa lill-Gvern madwar żewġ biljun u mitejn miljun ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament u li tratta l-estimi tal-Budget fil-qasam ambjentali.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar diversi temi fosthom it-tibdil fil-klima hekk kif tenna li dan il-Gvern jaf kif se jasal għall-miri li fassal.
Tenna li ma jistax jingħad l-istess għall-Oppożizzjoni f’dan il-qasam hekk kif hawn inqabdet mhux ippreparata.
Il-Ministru tkellem ukoll fuq l-immaniġġjar tal-iskart fejn tenna li minkejja li l-infrastruttura kurrenti f’dan il-qasam hija waħda limitata, diġà hemm titjib konsiderevoli fir-rati ta’ riċiklaġġ. Dan hekk kif din is-sena kienet l-aħjar sena b’din ir-rata fl-aħħar dsatax-il sena.
Hawn irrimarka l-investiment li sar fil-proġett tal-impjant li jibdel l-iskart f’riżorsa biex ikompli jgħin f’din l-isfida. Proġett li huwa l-akbar investiment infrastrutturali fil-qasam ambjentali fl-istorja ta’ pajjiżna u li wkoll l-Oppożizzjoni minkejja li kienet pproponiethom meta kienet fil-Gvern, issa għamlet minn kollox biex dawn ma jitwettqux.
Qal, “Kif tista’ tkun kontra proġett ta’ €500 miljun li jinfatam mill-miżbliet tal-imgħoddi u li t-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri se ntuhom riżorsa mill-iskart.”
Fost affarijiet oħra l-Ministru Farrugia rrimakra l-ħidma tal-Gvern sabiex ikompli joħloq ekonomija ċirkulari u li jgħin fit-tħaddir f’pajjiżna fosthom permezz ta’ proġetti ambjentali.
Dan filwaqt li jgħin u jinċentiva ippjanar u ambjent urban aktar attraenti u aħdar.
Intant dwar dan il-qasam tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Bini u l-Kostruzzjoni Chris Agius hekk kif tenna fuq il-ħidma kbira tal-Gvern biex iżid is-sigurtà u s-sostenibbiltà fil-bini u l-kostruzzjoni.
Dan fost oħrajn billi twaqqfet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Spjega, “Is-sena l-oħra waqqafna l-Awtorità għall-Bini u l-kostruzzjoni u matul iż-żmien li ġej aħna ħa nkunu f’pożizzjoni li din l-Awtorità intuha l-għodda biex tkun tista’ taħdem mhux biss b’riżorsi iżda anke riżorsi umani biex tkabbar il-kapaċità tagħha.”