Fil-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jinvesti €1.2 biljun fil-pensjonijiet.
Dan sostnih il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista mat-Times u ġie mistoqsi dwar il-Baġit li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu.
Filwaqt li fakkar fl-elementi mill-aktar soċjali ta’ dan il-Budget fosthom iż-żidiet fiċ-Children’s Allowance u l-akbar tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema, il-Prim Ministru tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern lejn il-kwalità għas-snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru nnota wkoll is-saħħa tal-ekonomija. Fisser kif Gvern Laburista rnexxielu jwiegħed tax cut li tħalli fil-bwiet tal-familji €66 miljun iżda minflok wettaq waħda li tagħti €140 miljun. Qal li dan hu riżultat tas-saħħa tal-ekonomija. Spjega kif familja b’żewġt itfal bi dħul medju se jibqa’ f’butha €1,800 aktar b’żewġ miżuri biss, l-akbar tnaqqis fl-income tax u t-tieni żieda konsekuttiva ta’ €250 fis-sena għal kull wild fiċ-Children’s Allowance.
Dr Abela sostna li d-dokument Malta Vision 2050 mhuwiex wieħedad statiku anke minħabba realtajiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien bħalma ġara fi żmien il-pandemija, madankollu joffri direzzjoni ċara lejn futur ta’ kwalità.