Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri żar l-istands ta’ diversi esponenti ewlenin tal-industrija tal-gaming f’Malta waqt l-expo internazzjonali annwali ICE London.
Il-Ministru Schembri, li kien akkumpanjat minn rappreżentanti ta’ Gaming Malta u l-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA), qal li dan is-settur f’pajjiżna qed jiffjorixxi. Dan anke b’rabta mal-aħħar rapport ippublikat mill-MGA li wera li kien hemm żieda fil-kumpaniji tal-gaming li joperaw minn pajjiżna. Fil-fatt f’dan ir-rapport l-MGA irrappurtat tkabbir ta’ 8%.
“Huwa importanti li, bħala Gvern, nibqgħu naħdmu biex Malta tibqa’ ġurisdizzjoni attraenti, biex b’hekk tibqa’ ekosistema b’saħħitha f’dan is-settur u tgħin lill-ekonomija,” qal il-Ministru Schembri. Huwa żied jgħid li, konxju mill-ispiża li jgħaddu minnha biex joperaw minn pajjiżna, il-Gvern se jkun qed iħabbar numru ta’ inċentivi għal din l-industrija.
Il-Ministru Silvio Schembri, b’referenza għall-MGA, qal li Malta għanda regulatur b’reputazzjoni tajba f’dan is-settur, b’qafas regolatorju b’saħħtu li jipproteġi kemm lill-operaturi u anke l-konsumaturi.
Din l-industrija f’pajjiżna b’mod dirett timpjega madwar 11,000 ħaddiem u t-talenti f’dan is-settur huma dejjem imfittxija.
“Qegħdin ukoll naħdmu biex naraw aktar investiment f’setturi li ħarġu mill-industrija tal-gaming bħall-esports u video game development. Il-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji Maltin f’din l-expo ta’ fama internazzjonali hija neċessarja biex tkompli twassal il-messaġġ li pajjiżna joffri eċċellenza fejn tidħol l-industrija tal-gaming,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.