“Il-prijorità ambjentali hija prijoritá ewlenija għal dan il-Gvern, u xhieda ta’ dan hemm l-investimenti multimiljunarji fi proġetti ambjentali.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif ħabbar li nhar it-Tnejn se titnieda l-entità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġetti ambjentali imwiegħda fil-manifest elettorali, b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif wara li fl-elfejn u tlettax, Gvern Laburista ġdid kien wiret pajjiż b’ekonomija staġnata, wara li reġa’ ġab l-istess ekonomija fuq saqajha, kien imiss li l-Gvern idawwar ħarstu iktar fuq l-ambjent.
Hekk kif dan se jkun qed isir b’mod kordinat permezz ta’ din l-aġenzija l-ġdida, il-Prim Ministru fakkar li l-Gvern diġá ħadem fuq riġenerazzjoni ta’ numru ta’ postijiet.
Qal, “Hemm proġetti li diġá ġew implimentati, insemmi dak tal-Qortin, fejn kellek riġenerazzjoni ta’ miżbla. Fejn minn miżbla, bħal m’għamilna f’Wied Fulija f’Malta, ħloqna park għall-familja. U hemm fejn tara li verament wieħed għandu l-kredenzjali biex jitkellem fuq l-ambjent. Mhux qed ngħid li aħna perfetti. Perfetti m’aħna fl-ebda settur, lanqas f’dak ambjentali, iżda li qed nuru r-rieda u l-ħeġġa biex nagħtu prijoritá lil dan il-qasam, nemmen li hija ċara.”
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-Gvern mhux se jieqaf hawn.
Fost l-oħrajn, stqarr li r-Rabat huwa wieħed minn bosta lokalitajiet li se jara aktar żvilupp favur spazji miftuħa. Dan hekk kif qal li filwaqt li se jkunu qed jiżdiedu ż-żoni ta’ parkeġġ fiż-żona, il-familji se jkunu qed igawdu minn spazju miftuħ u aħdar.
B’mod simili, fakkar kif fl-ewwel mitt jum tiegħu, il-Gvern ta lura ż-żona taż-Żonqor f’Wied il-Għajn lin-nies
Dwar il-proġett tal-wied tal-Imsida, il-Prim Ministru irrimarka kif minkejja li dan il-proġett huwa wieħed infrastrutturali, il-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, u reġa’ mar lura għall-pjanti sabiex jiġi inkorporat il-bżonn ta’ spazji miftuħa għall-familji.
Robert Abela appella lil kull min huwa involut fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti ambjentali ambizzjużi, sabiex flimkien jimbuttaw ’il quddiem sabiex, din il-wegħda tiġi mwettqa’.
Stqarr, “Kruċjali kemm se nimbuttaw. Iktar kemm se nimbuttaw flimkien, iktar dawn il-proġetti se nimmaterjalizzawhom malajr. Seba’ mitt miljun ewro fi proġetti huwa ammont kbir, għandna l-infrastruttura biex nistgħu inwettquhom dawn il-proġetti, kruċjali kemm kull wieħed u waħda minna, partikolarment min huwa involut fl-implimentazzjoni tagħhom jimbutta l-quddiem. Determinat li dik il-kelma li tajna fil-manifest elettorali nwettquha, naħdmu flimkien u naslu fejn flimkien ilkoll irridu naslu.”