Waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li fl-ewwel għaxar xhur tas-sena id-Dipartiment għar-Relazzjoni Industrijali u l-Impjiegi investiga madwar 1,300 każ.
“Din l-istess statistika turi li d-Dipartiment għen mhux anqas minn kważi 3,500 persuna. Tajjeb li nsemmi li, minn dawn il-każijiet, kważi 400 minnhom ġew solvuti, filwaqt li d-DIER qed jaġixxi ta’ medjatur f’490 każ ieħor.”
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li dan huwa Gvern li qed issaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u qed ikun ta’ spalla għas-settur privat.
Huwa qal li ġew indirizzati l-abbużi, fosthom billi qed jingħataw aktar dinjità u protezzjoni lill-ħaddiema tal-pjattformi.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Glenn Bedingfield qal li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela għamel diversi riformi filwaqt li nnota l-inkonsistenzi tal-Oppożizzjoni.
“Irrepetiha, bdieha lbieraħ, għall-Gvern tar-riformi falluti. Issa jekk hawn xi ħaġa falluta, bla dubju li hija l-Oppożizzjoni, illi fl-Oppożizzjoni qatt ma jkun hemm riforma. Dawn jibqgħu l-istess nies, bl-istess problemi, bl-istess estremiżmu, bl-istess firda, bl-istess ġlied u bl-istess dwejjaq, fl-Oppożizzjoni ma nbidel xejn.”