Bejn Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol, id-DIER, investiga 1,030 każ. Dan ifisser li għen lil ’il fuq minn 3,400 ħaddiem li kellhom xi tip ta’ tilwima fuq il-post tax-xogħol.
Fl-istess perjodu, id-DIER wieġeb aktar minn 9,600 email, aktar minn 24,500 telefonata fuq żewġ helplines, u kważi 2,000 persuna marru fl-uffiċini.
ĦIDMET ID-DIER BEJN JANNAR U OTTUBRU 2022
EMAILS: 9,618
HELPLINE 1575: 18,356
HELPLINE 1576: 6,184
WALK-INS: 1,949
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, waqt il-konferenza bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbilità’, u li matulha elenka numru ta’ miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla, kif ukoll ix-xogħol li sar fl-aħħar sena.
“Saħħaħna s-support services b’żewġ helplines u qed isir rinnovar ta’ post prominenti fil-Belt Valletta. Proprju għalhekk in-nies jersqu f’dan id-dipartiment għaliex joffri sevizz tajjeb. Però, mhux biss: dan id-dipartiment qiegħed hemm ukoll għal min iħaddem biex, kif għidt, anke fid-diskors tiegħi, min iħaddem issa jista’ jersaq lejn id-DIER biex hu jkun jista’ wkoll jirregola l-pożizzjoni tiegħu jekk ikollu xi nuqqas.”
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li l-Gvern se jibda studju dwar il-Wage Regulation Orders (WROs), liema studju se jwassal sabiex ċerti anomaliji fil-liġi eżistenti jiġu indirizzati u għaldaqstant jiġu regolati u armonizzati d-diversi setturi.
“Hemm minnhom li joħolqu anomaliji, hemm minnhom li joħolqu diskriminazzjoni, allura wasal iż-żmien illi nagħmlu studju serju biex, fl-aħħar mill-aħħar, issir reviżjoni li tkun qed isaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiem kif ukoll tgħin lil min iħaddem, għax kienu huma stess li resqu għandna u talbu li jkun hemm ċertazza legali f’ċerti oqsma.”
Is-Segretarju Parlamentari qal li miżura oħra li ġiet implimentata hija dik li l-impjegati ma-kuntrattur li jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku jitħallsu doppju għas-sigħat tax-xogħol li jaħdmu fil-Ħdud. Huwa qal li d-DIER ħadem mad-Dipartiment tal-Kuntratti biex ħarġet ċirkolari li stabbilixxiet ir-rati ta’ ħlas u wkoll li s-sigħat li jaħdmu l-Ħadd jitħallsu għalihom doppju. Din il-miżura għamel tajjeb għaliha l-Gvern.