Il-Gvern, permezz tat-twetuq tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, se jkompli jnaqqas it-taxxi għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li indirizza laqgħa tal-MCESD.
“Dan il-Gvern għandu track rekord illi konsistentament mill-2013 ‘il quddiem naqqas il-piż tat-taxxi ġewwa pajjiżna. Il-manifest elettorali Malta Flimkien jitkellem ċar dwar l-impenn elettorali li assumenja fuqna li ħa nkomplu nnaqsu t-taxxi f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru nnota d-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Fakkar li l-gvern Nazzjonalista kien jintaxxa l-paga minima nazzjonali, u qal li l-Partit Nazzjonalista għadu jemmen dan, għax meta l-Gvern ħareġ iċ-ċekkijiet sabiex jinċentiva l-bżulija ftit tal-ġimgħat ilu, Bernard Grech attakka din l-għajnuna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li qiegħed jagħti l-Gvern lis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni; settur li dejjem jevolvi minn żmien għal żmien.
“Sa snin ilu, mhux żmien ilu, konna nħarsu lejn is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod li konna nagħtuh importanza sekondarja. Illum il-ġurnata nemmen li mhux primarja trid tkun tkun imma proprju rridu niffukaw f’dan is-settur għaliex tant joħloq opportunitajiet ġodda. Dik li sa ftit tas-snin ilu kienet forsi xi ħaġa astratta, illum qegħdin naraw l-importanza ta’ dan is-settur u qed naraw ukoll kemm pajjiżna għandu ħiliet illi proprju meta nitkellmu dwar riċerka u l-innovazzjoni juri kemm il-Maltin huma verament nies illi huma kapaċi.”
Dwar is-sigurtà fit-toroq, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza tar-responsabilità mis-sewwieqa.
“Però, nemmen li dwar dan is-suġġett irridu l-ewwel nett nitkellmu b’responsabilità. Il-miżuri biex ikollna dejjem żamma ta’ sigurtà fit-toroq tagħna huma ħolistiċi. Tibda mir-responsabilità ta’ kull waħda u waħda minna bħala sewwieqa, għaliex tagħmel kemm tagħmel miżuri, jekk ma jkollokx responsabilità tas-sewwieq, fl-aħħar mill-aħħar ifalli.”
Mal-ġurnalisti, Dr Abela semma li fl-aħħar snin daħal it-test għal-livell tal-alkoħol, iżda semma wkoll id-diskussjoni li qed issir dwar test fuq l-influwenza ta’ sustanzi oħra, bħad-droga.