Waqt l-irkupru mill-pandemija se jkun kruċjali li l-Gvern ikompli jgħin biex l-ekonomija tkompli tikber u tkattar il-ġid meħtieġ. Dan qaluh il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, huma u jindirizzaw laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Din iffokat fuq il-pakkett ġdid ta’ fondi Ewopej mill-Fond Soċjali Ewropew+, li b’budget ta’ mitt biljun ewro għall-Ewropa kollha se jagħti stimolu ekonomiku għal wara l-pandmija lill-Istati Membri sal-2027.
Il-membri tal-MCESD ngħataw rendikkont ta’ x’se jkun fih il-programm nazzjonali marbut mal-fond, biex huma wkoll ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni dwar is-suġġett. Kollox se jiffoka fuq aktar opportunitajiet ta’ żvilupp lill-ħaddiema, u li dawn jingħataw l-għodda biex huma stess jiġġeneraw l-għajxien li għandhom bżonn.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din il-laqgħa kienet opportunità oħra biex tissaħħaħ l-konsultazzjoni dwar il-fondi Ewropej.
Huwa stqarr: “Fondi li jiffokaw fuq taħriġ u edukazzjoni, u employability fost iż-żgħażagħ. Dawn huma wħud mill-miri tal-fondi li se nkomplu niddiskutu u mmorru għall-konsultazzjoni pubblika, biex naraw kif dawn il-fondi jkunu qed jiġu investiti fis-seba’ snin li ġejjin”
Il-Ministru Carmelo Abela qal ukoll li l-inklużjoni se tkun sfida oħra li se nkomplu nirħbu fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà, kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar u r-riskju tal-faqar.
Huwa sostna: “Iffokat ukoll fuq il-COVID-19 biex l-isħab soċjali jkollhom viżibilità ta’ dak li jkun għaddej imma wkoll ikollhom opporunità wkoll jistaqsu mistoqsijiet pertinenti dwar is-sitwazzjoni attwali.”
L-ewwel programm li se jitressaq għal konsultazzjoni pubblika huwa dak li permezz tiegħu se jsiru investimenti ta’ €204 miljun, il-biċċa l-kbira fir-riżors uman fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fis-saħħa u fl-għajnuna lill-vulnerabbli.