Fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkompli jdaħħal mediċini ġodda kontra l-kanċer fil-Formularju tal-Gvern. Innota dan il-Ministru Chris Fearne fit-tnedija ta’ konsultazzjoni dwar it-Tieni Pjan Nazzjonali għall-Kanċer f’pajjiżna. Konsultazzjoni pubblika li hija miftuħa għal xahrejn. Wara li fil-ġimgħat li għaddew fil-Formularju tal-Gvern iddaħħlu tliet mediċini ġodda għal kontra l-kanċer, issa, tenna Fearne, hemm pjan konkret kif se jiddaħħlu iżjed mediċini.
Fearne innota li x-xahar li għadda ddaħlet il-mediċina Capecitabine li minn mediċina li kienet tintuża biss għal pazjenti bil-kanċer fil-musrana, issa bdiet tintuża wkoll għall-pazjenti b’kanċer tal-istonku, tal-fwied, tal-frixa u tas-sider. Dan se jwassal biex madwar 200 pazjent kull sena jibbenifika minn din il-mediċina. Fil-ġimgħat li ġejjin ukoll se tiddaħħal sistema ġdida biex ikun trattat il-kanċer tal-urinary bladder.
Din is-sistema l-ġdida tinvolvi l-użu ta’ Mitomycin C f’doża ġdida fuq il-formularju tal-Gvern, kif ukoll apparat u aċċessorji ġodda. Mediċina oħra li se tiddaħħal hija d-doxorubicin li hija mediċina għall-kanċer avvanzat fil-fwied. “Iżda mhux dawn biss se jkunu l-mediċini ġodda li se ndaħħlu fuq il-formularju tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam kanċer.
Fil-fatt għandna pjan dettaljat kif se nkunu qed indaħħlu aktar mediċini, bir-raba’ waħda tkun l-enzalutamide għall-kanċer tal-prostata. Wara se jiddaħħlu aktar mediċini fosthom għall-kanċer fil-ġilda, melanoma, fil-kliewi, għall-kanċer fl-ovaries u fid-demm,” qal il-Ministru Fearne.
“Madankollu nafu kemm il-mediċini tal-kanċer huma prijorita u għaldaqstant grazzi għal €3 miljun ewro vvutati fil-budget ta’ din is-sena propju għall-mediċini tal-kanċer ninsabu f’pożizzjoni biex b’mod ippjanat nibdew indaħħlu dawn il-mediċini waħda wara l-oħra,” żied jgħid il-Ministru Fearne.