Il-Gvern Malti se jkompli jassorbi l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, hekk kif kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna, il-prezz tal-enerġija fl-Ewropa għola sew ’il fuq.
Irrimarka dan il-Prim Ministru Robert Abela, f’kummenti mal-midja fi tmiem is-Summit informali tal-Kunsill Ewropew, fil-kapitali tar-Repubblika Ċeka, Praga.
Waqt dan is-Summit informali tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja Ewropej qablu li huwa kruċjali li l-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa jonqsu għall-familji u n-negozji.
F’din il-laqgħa, il-mexxejja baqgħu ma qablux kif se jkunu qed iraħħsu l-kontijiet tal-enerġija.
Dr Abela sostna li se jkun is-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li se jsir bejn l-20 u l-21 ta’ Ottubru li ġej, li se jiddetermina l-qbil bejn il-mexxejja Ewropej. Il-laqgħa ta’ ġimagħtejn oħra se tkun kruċjali dwar it-triq ’il quddiem li se tieħu l-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-settur tal-enerġija.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-poplu Malti mhux se jkun qed jintlaqat minn dawn il-miżuri għax il-Gvern qed jissussidja ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.
Possibilità li qed tissemma’ bejn il-mexxejja Ewropej hija dik ta’ prezz massimu dwar il-gass. Malta hija waħda minn ħmistax-il Stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed jimbottaw ’il quddiem il-proposta ta’ limitu massimu fuq il-prezz tal-gass, bil-għan li l-elettriku li jiġi ġġenerat mill-gass ma jibqax bil-prezzijiet esaġerati ta’ bħalissa.
Waqt din il-laqgħa kompliet id-diskussjoni dwar l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fil-gwerra fl-Ukrajna, fejn il-ġimgħa li għaddiet stess il-mexxejja tal-UE rrifjutaw u kkundannaw bil-qawwa l-annessjonijiet illegali ta’ artijiet Ukreni mħabbra mir-Russja.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru sostna li Malta qiegħda u se tkompli tipprovdi s-sapport neċċessarju lill-Ukrajna, filwaqt li qed taċċetta t-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet.
Il-Prim Ministru Malti sostna li pajjiżna huwa l-uniku Stat membru tal-Unjoni Ewropea li ġie elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u pajjiżna se jkompli jitkellem favur it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna. Fl-istess waqt, pajjiżna se jkompli jisħaq fuq il-bżonn tal-għajnuna umanitarja li tasal għand dawk l-aktar fil-bżonn.
Intant, matul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fil-laqgħa li saret bejn 44 mexxej mill-kontinent Ewropew, li hija msejħa l-Komunita Politika Ewropea.
Waqt l-intervent tiegħu f’din il-laqgħa, fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-paċi u s-sigurtà, l-enerġija, u l-klima, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jeħtieġ kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u ħidma kollettiva biex jiġu indirizzati l-isfidi preżenti, speċjalment dik taż-żieda fil-prezz tal-enerġija. Kompla li l-Gvern Malti huwa impenjat li, kif diġà għamel, jkompli jipproteġi liċ-ċittadini vulnerabbli minn kontijiet għolja tal-enerġija.
F’din il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej qablu dwar il-bżonn tal-paċi u l-għaqda fil-kontinent Ewropew. F’din il-laqgħa fi Praga kien hemm qbil bejn l-Armenja u l-Azerbajġan biex ikun hemm missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.