Il-Gvern se jkomplu jidħol bis-saħħa biex joħloq aktar ġid u jwieżen lil min jiflaħ l-inqas.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jiġi intervistat fuq ONE Radio mill-ġurnalista Kimberley Portelli.
Waqt l-intervista, il-Prim Ministru Abela saħaq li l-ħidma tal-Gvern se tkun iffokata biex l-investiment li qiegħed isir u li jrid jikber, jew dak li ġej, ikun iktar sostenibbli u jrendi iktar filwaqt li, b’riżultat tat-tranżizzjoni diġitali, jitfa’ inqas pressjoni fuq pajjiżna.
Hawn il-Prim Ministru semma l-eżempju tal-kumpanija ST Microelectronics, li se twettaq investimet ġdid f’pajjiżna.
Dwar dan il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea approvat pakkett storiku ta’ għajnuna ta’ tmien biljun ewro fis-settur tas-semiconductors u l-microchips, li jdur mal-avvanz teknoloġiku u fejn pajjiżna se jkun fuq quddiem nett.
Il-Prim Ministru Abela spjega li din l-espansjoni mhux biss se toħloq aktar xogħol ta kwalità imma se jkollha l-benefiċċju li dan il-proġett se jkun wieħed ta’ interess komuni Ewropew.
“Il-benefiċċju ta dan il-proġett mhux se jkun limitat għall-ekonomija Maltija, imma hekk qegħdin naraw swieq internazzjonali oħrajn. Anzi, nemmen li għandna nkunu leaders. Hawnhekk, l-importanza li għandha din il-viżjoni strateġika Ewropea, din il-viżjoni strateġika ekonomika tal-gvern Malti li qed jallaċċjaw flimkien, waħda tikkumplimenta lill-oħra, u qed naraw li f’pajjiżna ikollna dan il-proġett li jimbotta ’l quddiem dik il-viżjoni ekonomika strateġika.”
Il-Prim Ministru spjega li dan il-prinċipju japplika wkoll fil-każ ta’ investituri oħrajn, biex iħarsu lejn il-viżjoni strateġika li fuqha miexi l-pajjiż, bl-għarfien li lill-Gvern dejjem se jsibuh warajhom biex jimbotta ’l quddiem dawn l-inizjattivi.
Dr Abela spjega wkoll is-sinifikat importanti tal-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far, li ġiet inawgurata iktar kmieni din il-ġimgħa, u li se tkun qed ittejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-proġett ta’ Wied Fulija, li minn post fejn kienu ntremew madwar żewġ biljun kilogramma ta’ skart, illum huwa wieħed mill-isbaħ pajsaġġi li għandna f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li, konxji ta’ dan il-potenzjal li għandu pajjiżna, il-Gvern u l-entitajiet ilhom jaħdmu qatigħ biex joħolqu aktar opportunitajiet, partikolarment ta’ investiment dirett barrani, f’dan is-settur.
“L-għan finali għandu jibqa’ tal-ħolqien tal-ġid u, mill-ħolqien tal-ġid, it-tieni għan huwa d-distribuzzjoni ta’ dak il-ġid kemm jista’ jkun b’mod ugwali mas-soċjetà tagħna. Imma, fiż-żgur, it-tqassim ta’ dan il-ġid irid jipprijoritizza lil min jiflaħ l-inqas fis-soċjetà tagħna, u hemm l-għan ta’ dan il-Gvern huwa li jiżgura li dan il-ġid jilħaq l-iktar lil dawk li jistgħu l-inqas fis-soċjetà tagħna.”
B’mod konkret u b’assigurazzjoni, il-Prim Ministru enfasizza li l-ekonomija f’pajjiżna se tibqa’ b’saħħitha f’din it-tranżizzjoni lejn prosperità ġdida biex jibqa’ jinħoloq il-ġid u dak il-ġid jitqassam ma’ kulħadd.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar: li l-Gvern se jibqa’ jaħdem bi pjan li mbagħad iħalli r-riżultati.
“Il-poplu fada lilna b’mandat b’saħħtu biex inkomplu mmexxu lil pajjiżna b’mod strateġiku, minkejja l-isfidi li għandna. Weġibna bi pjan ċar għal kull sfida li kellna. Weġibna bi strateġija ċara għal kull sfida li għadda minnha pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, u huma dawn l-istrateġiji ċari li se jkunu qed imexxu lil pajjiżna fix-xhur li ġejjin.”