Fil-ġimgħat u xahar li ġej, il-Gvern se jixtri tliet sede prinċipali ta’ Għaqdiet Mużikali.
Dawn it-tliet soċjetajiet mużikali li jagħmlu tant ġid fis-soċjetà u li kienu f’riskju serju li jispiċċaw jitkeċċew il’ barra, issa se jkollhom is-serħan tal-moħħ li mhux se jiġu żgumbrati mis-sede li ilhom jokkupaw għal diversi snin.
Dawn it-tliet soċjetajiet se jingħaqdu ma’ seba’ propjetajiet okkupati minn soċjetajiet mużikali, li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja, li minnha joperaw dawn is-soċjtetajiet.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa din l-inizjattiva biex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull komunità.
Qal, “B’kollox diġà dħalna fit-tnax-il kuntratt illi bihom salvajna tnax-il soċjetà mużikali f’pajjiżna. Sebgħa minn dawn il-kuntratti huma finali, jiġifieri mhux biss konvenju, imma għamilna ukoll il-kuntratt u fadal ħames kuntratti oħra xi jsiru. Aħna qed naraw li fil-jiem li ġejjin inkunu għalaqna il-kuntratt finali ta’ tlieta oħra.”
Huwa fisser id-deċiżjoni tal-Gvern bħala waħda importanti għat-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment meta wieħed iqis ir-rikonoxximent riċenti mill-UNESCO tal-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.
Qal, “Fil-mument li l-Gvern isir is-sid tas-soċjetajiet, is-soċjetajiet mużikali ħa jħallsu kera’ lill-Gvern. Jiġifiri dawn xorta waħda kien iħallsu l-kera lill-privat, issa se jħallsu l-kera lill-Gvern ovjament tiġi aġġustata skont dak li huwa ġust f’dawn iż-żminijiet.”
Min-naħa tiegħu James Pearsall, iċ-Chairman tal-Bord Amministrattiv tal-Każini u s-Sede li nxtraw mill-Gvern spjega li din is-saga bdiet minn meta dawn il-każini, li kienu numru sostanzjali, ġew affaċċjati biex jagħtu lura dawn il-propjetajiet lis-sidien tagħhom wara li kienu mikrijin. B’hekk fi kliemu, il-Gvern daħħal oltre minn forċina biex jgħin dawn l-għaqdiet li għandhom ir-rwol kruċjali f’pajjiżna.
Qal, “Nies li għandhom xelta kbira fil-volontarjat. Għax aħna naħsbu li l-każin tal-Banda imorru dawk l-erba’ min-nies li jmorru ġol-bar, imma altru minn hekk. Hemm il-kwistjoni ta’ tagħlim tal-mużika. Dawn il-każini jgħallmu l-mużika b’xejn, bis-surmastrijiet tal-Banda, id-diretturi li jgħallmu one-to-one u jtellgħu dawn l-istudenti għal ċertu livell.”
L-aħħar mis-sensiela ta’ sede li ġew mixtrija mill-Gvern, kienet dik tas-Soċjetà tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa, li ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €1,100,000.