Il-Gvern se jitlob hu biex fil-Parlament jiddiskuti s-suġġett dwar is-settur tal-kostruzzjoni wara li minnufih jippubblika r-rapport ta’ inkjesta pubblika ta’ Sofia.
Sostna dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-bidu tas-seduta Parlamentari tat-Tnejn filgħaxija.
Il-Ministru Attard fakkar li t-termini ta’ referenza li saru bi qbil mal-familja ta’ Sofia hemm miktub ċar dwar il-modalità tal-pubblikazzjoni tal-inkjesta li għandha tingħadda kopja lill-Prim Ministru nhar l-Erbgħa u aktar tard fl-istess jum lill-familja ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Ministru Attard fakkar ukoll li t-termini ta’ referenza hemm stabbilit ukoll li fi żmien sena jerġa’ jkun hemm diskussjoni fil-Parlament biex ikun hemm analiżi ta’ x’sar fuq riformi fis-settur inkwistjoni.
Dan saħqu l-Ministru Attard biex il-Gvern jagħti rendikont ta’ dak li jkun sar mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta u dawk l-isforzi leġislattivi li saru fl-aħħar snin u anki sa fl-aħħar jiem, fejn il-Gvern ħabbar aktar riformi biex ikomplu jogħlew l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni mhux biss għall-interess ta’ terzi imma anki ħaddiema li jaħdmu fis-settur.
Il-Ministru Attard innota wkoll l-aġir partiġġjan u populista li beda jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq is-suġġett.