Il-President tal-Forum Unions Maltin, is-Sur Marco Bonnici ddeskriva l-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern bħala miżuri tajbin ħafna.
Huwa laqa’ b’sodisfazzjoni l-fatt li l-ħlas tal-pagi ġie estiż sa Settembru u anke għajnuniet għall-pensjonanti u ż-żgħażagħ. Qal li bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika se tissaħħaħ l-ekonomija, ol-ħaddiema u anke min iħaddem.
Faħħar ukoll l-għoti ta’ voucher ta’ €100 għal kull persuna li għandha aktar minn 16-il sena, għaliex b’hekk il-Gvern se jkun qed jinċentiva t-turiżmu intern hekk kif it-turiżmu estern huwa mistenni jonqos xi ftit.
Is-Sur Bonnici saħaq li l-miżuri kollha, inkluż it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll tal-proprjetà u anki għotjiet fi krediti tat-taxxi kif ukoll it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ fjuwil huma tajbin għaliex il-Gvern se jissusidja kemm lill-ħaddiema u anke lil min iħaddem.