Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern se jirdopppja l-park ta’ Ta’ Qali biex fuq medda ta’ 450,000 metru kwadru ta’ art jkollna l-ewwel Park Nazzjonali ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Qali, il-Prim Ministru qal li l-park se jinkludi tnejn u ħamsin tomna ta’ art li kienet okkupata minn fabbrika tal-konkrit. Qal li din l-art setgħet ingħatat għall-iżvilupp kummerċjali, iżda l-Gvern ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf l-akbar proġett kapitali mħaddar li qatt sar f’minn tal-anqas ġenerazzjoni.
Il-proġett b’investiemnt ta’ 20 miljun ewro jinkludi t-tħawwil ta’ 80,000 siġra u xitla ġdida.
Dr Muscat qal li l-Gvern se jagħmel riġenerazzjoni sħiħa ta’ Ta’ Qali biex jrodd lill-familji medda ta’ art kbira daqs terz tal-kobor ta’ Hyde Park f’Londra.
Dr Muscat qal li dan il-proġett mhux fula f’qargħa. Qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ dak imħabbar f’Bengħajsa fuq medda ta’ 80 elf metru kwadru ta’ art fin-Nofsinhar ta’ Malta u l-proġett innovattiv li se joħloq 13-elf metru kwadru oħra bit-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera.
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan il-park se jservi ta’ pulmun u sors ta’ enerġija nadifa għall-familji Maltin u Għawdxin.
Niżguraw li Ta’ Qali kollu jkun wieħed sħiħ għaliex għandek ħafna pockets li mhux utilizzati. Daqs 63 grawnd tal-futbol se jingħataw lura lill-familji. L-ekonomija sejra tajjeb u l-Maltin għandhom bżonn aktar ħin biex iqattgħu mal-familja, u rridu niżguraw li nagħtu l-proġett malajr kemm jista’ jkun lilhom ukoll.
Il-Park Nazzjonali ta’ Malta se jinkludi wkoll żoni ta’ kampeġġ, twessigħ tad-dog park, trakkek għall-ġiri, u se jagħti għall-proġett ta’ Chadwick Lakes u tal-Villaġġi tas-Snajja. Il-Gvern iddeċieda li l-Arkivji Nazzjonali l-ġodda se jingħaqdu mal-Park.
Qed inħarsu lejn investiment ta’ €20 miljun biex niżguraw li jkollna infrastruttura ħadra kif suppost li tħabbatha ma’ parks internazzjonali li aħna nesperjenzaw barra mill-pajjiż.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li l-Gvern qed juri prijorita fil-qasam ambjentali billi jagħti lura dawn iż-żoni lill-familji Maltin li se jkollu kemm aspetti naturali u aspetti sportivi.