Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illejla fil-Parlament li minkejja li l-investigazzjonijiet mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni fl-hekk imsejħa Swiss Leaks għadhom mhux konklużi, huwa informat li ma hemm ebda persuna li hi esposta politikament. Madankollu, huwa wiegħed li xorta waħda se jippubblika l-ismijiet ta’ nies involuti, huma minn huma.
F’nofs siegħa ta’ mistoqsijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Muscat qal li diġà ġew irkuprati diversi flus u dan minn tagħrif li nġabar mingħand il-Gvern Franċiż. L-amministrazzjoni ta’ qabel ma għamlet xejn dwar dan.
Il-Prim Ministru qal li s-sistema ta’ tassazzjoni Maltija hija wirt kolonjali. Żied jgħid li ma kien hemm ebda tibdil minn kif il-Gvern Malti kien ippreżentaha lill-UE qabel dħalna membri u hija konformi wkoll mal-kriterji tal-OECD.
Dr Muscat fakkar li xi mezzi tal-istampa internazzjonali ppruvaw iħammġu isem Malta iżda il-Prim Ministru qal li kulħadd għandu jifhem li Malta ma hijiex tax haven jew tax paradise, għax dawn fl-UE ma jeżistux. Malta kellha sistema offshore li ġiet żmantellata. Anke s-sigriet bankarju spiċċa. Issa għandna sistema li qed issib l-għira ta’ xi pajjiżi bħall-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-pajjiżi Baltiċi fost oħrajn.
Il-punt kruċjali huwa li s-sistema hija determinata mill-Gvern u mhux mill-UE u Malta se tibqa’ miexja ’l quddiem.
Anke l-ex-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-akkużi kontra Malta huma l-frott ta’ xi wħud li qed jiddejqu bis-suċċess li kiseb u qed jikseb pajjiżna. Il-fatt li l-Parlament dejjem qabel unanimament tiġbed l-għira tal-kompetizzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia semma r-rapport PANA li qal li Malta kien wieħed minn żewġ pajjiżi li ma weġbux għal xi mistoqsijiet li għamlu. Il-Prim Ministru qal li dak li nagħmlu fis-settur finanzjarju jibqa’ prerogattiva tal-Gvern Malti; bħalma l-Parlament qabel unanimament li ma jidħolx fl-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni għax il-ġurisdizzjoni trid tibqa’ ta’ Malta.
Madankollu, qal Dr Muscat, ir-rapport PANA għamilha ċara li s-settur finanzjarju Malti hu kompetittiv u konformi mal-UE u l-OECD.
Dr Delia qal li r-rapport jikkritika lill-istituzzjonijiet u kif jitħaddmu u mhux jieħu passi fuq frodi tat-taxxa u ħasil tal-flus; u kemm dawn l-istituzzjonijiet u l-istampa huma “highly politicised”.
Bi tbissima, il-Prim Ministru qal li dan jista’ jkun għax gvernijiet nazzjonalisti ħatru nies politiċi fl-istituzzjonijiet. Dawn il-Gvern Laburista ma bidilhomx u ħalliehom hemm. Madankollu, bis-serjetà qal li hemm skorrettezza ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-PANA. Ħadu medja ta’ kemm kien hemm każi u nnutaw li kien żgħir wisq u din l-analiżi rridu narawh. Biss diġà żdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani f’ċerti oqsma, fosthom aktar minn mitt ruħ fl-MFSA,
Dr Delia irrefera għall-parti tar-rapport li tgħid li l-Pulizija mhix tinvestiga r-rapporti tal-FIAU. Il-Prim Ministru ġibidlu l-attenzjoni li r-rapport qed jirreferi għas-snin 2013-2015 u żgur ma kienx il-kummissarju tal-pulizija attwali fil-ħatra.
Huwa qal li l-istatistika u l-konkluzjonijiet huma meħuda minn dik ta’ Money Val, li saret fi żmien il-PN.
Il-PM spjega li l-FIAU taqbad u tinvestiga meta jkollha xamma ta’ korruzzjoni jew ħasil tal-flus. Fil-każ tal-pulizija dawn iridu jkunu ċerti li lil min ikunu se jressqu jrid ikollhom bażi soda li jinstab ħati. Fl-aħħar mill-aħħar kollox jista’ jiġi sfidat fil-Qorti. Fuq kumment ta’ Simon Busuttil, il-Prim Ministru fakkar li Dr Busuttil mhux ’il fuq mil-liġi iżda huwa suġġett għal-liġi.