Nhar it-28 t’Ottubru, il-Gvern se jkun qed jippreżenta l-baġit għas-sena, 2025, fil-Parlament Malti.
Dan tħabbar f’kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela, waqt li jinsab fi New York għad-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Baġit għas-sena d-dieħla jara t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-programm b’saħħtu ta’ ħidma tal-Gvern – fejn se jkompli jwieżen lill-familji u n-negozji filwaqt li jindirizza prijoritajiet il-ġodda.
Dr Abela, qal li l-baġit se jkun qed jorbot l-inċentivi fiskali mal-ħames prijoritajiet li trid tiġi rridireazzjonata l-ekonomija fihom.
Huwa żied jgħid li dan se jkun baġit soċjalment b’saħħtu, li jippremja l-bżulija billi jsaħħaħ il-middle-class permezz ta’ tnaqqis fir-rata tat-taxxa tad-dħul.
“Baġit li jenfasizza fuq is-soċjal, għaliex irridu nagħtu lil kulħadd l-opportunità, li jista’ jimxi ‘l quddiem. Baġit li se jsaħħaħ lill-middle class, anke bl-introduzzjoni tat-twessigħ tat-tax bands, jiġifieri dak li se jkunu twessigħ tat-tax bands li tibbenefika minnhom, il-faxxa li taqla’ l-inqas. Se tibbenefika wkoll il-middle class, li hija s-sinsla tas-soċjetà tagħna. Baġit li se jkun qed jinċentiva lin-negozji.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-prinċipju ewlieni tal-kwalità tal-ħajja, huwa s-sisien tal-baġit li ġej, fejn il-Gvern irid jinċentiva, jissussidja, u joffri dħul aħjar għall-familja, iżda dak kollu ta’ benefiċċju għan-nies irid jitgawda min-nies fit-trankwillità.
Dr Abela nnota l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u n-nies, mill-Gvern.
Qal li dan id-djalogu soċjali hu importanti fit-tfassil tal-Budget li bih il-Gvern ikompli joffri direzzjoni għall-futur.
Dr. Abela spjega kif minkejja sfidi internazzjonali, l-ekonomija Maltija hi waħda b’saħħitha u reżiljenti u l-esperti llum qed jiċċertifikaw tkabbir ekonomiku akbar minn dak previst.
Il-Prim Ministru saħaq li xogħol il-Gvern huwa li dak it-tkabbir ikun sostenibbli u jindirizza realtajiet ġodda b’enfasi aktar lejn il-kwalità fosthom meta l-pajjiż jiġi biex jagħżel investiment li jrid imur għalih, partikolarment dak li jħalli valur miżjud u jirrikjedi inqas ħaddiema ‘low-skilled’.
Robert Abela spjega wkoll kif oqsma bħall-ambjent, l-infrastruttura, is-saħħa u l-edukazzjoni, se jibqgħu kruċjali fl-investiment kapitali li se jkun qed jagħmel il-Gvern fil-baġit li ġej.
Dan filwaqt li l-qagħda fiskali se tkompli tissaħħaħ b’investiment għaqli u mmirat.