Il-Gvern ikkommetta ruħu li ma jħallix żvilupp fiż-żona magħrufa bħala Wied iż-Żrinġ f’Bulebel u se jara kif lanqas tintuża madwar 25% oħra mill-art li kienet ukoll identifikata għal żvilupp. Dan kollu jfisser li l-Gvern se jkun qed jirtira dak li kien ingħata għal studju dwar żvilupp industrijali minn gvernijiet Nazzjonalisti fl-2006 u fl-2009.
Iktar minn hekk, illum sar magħruf li gvern Nazzjonalista saħansitra għadda lill-Malta Industrial Parks medda ta’ art biex tiġi żviluppata għal dan l-iskop, akbar minn dak li kien inkluż fiż-żona ta’ żvilupp fl-2006.
Il-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u tal-Ministru għall-Ambjent José Herrera, qal li se jkun kommess li jirrevedi dak li għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti biex jitħares il-wirt ambjentali, storiku u soċjali tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.