Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali se tirċievi disgħa u għoxrin miljun ewro s-sena d-dieħla, f’investiment biex ikomplu jiġu indirizzati l-problemi soċjali.
Dan tħabbar waqt ċerimonja ta’ rikonoxximent lejn disgħa u għoxrin entità u kumpanija lokali li temmew b’suċċess il-programm S.A.F.E., li jiffoka fuq l-għarfien kontra l-vizzji tad-droga u x-xorb.
SAFE ġie implimentat f’aktar minn tliet mija u tletin kumpanija f’pajjiżna u pparteċipaw kważi disgħa u għoxrin elf ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti stqarr li din iċ-ċerimonja ħabtet m’okkażjoni speċjali.
Qal, “Okkażjoni sabiħa ħafna. Qed niċċelebraw ħamsa u għoxrin sena tal-programm SAFE immexxi mill-Aġenzija Sedqa, Aġenzija nazzjonali kontra l-abbuż tas-sustanzi u dependenzi fuq vizzji oħra.”
Huwa qal li l-FSWS talloka aktar minn disa’ mitt elf ewro kull sena għall-prevenzjoni tal-vizzji, iżda n-nefqa fuq il-kura tal-vizzji hija aktar mid-doppju ta’ dan.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, faħħar il-programm u rrimarka li fuq il-post tax-xogħol xorta jista’ jkun hemm il-periklu tal-vizzji.
Qal, “Importanti anke li naraw li fuq il-postijiet tax-xogħol ikun ambjent li jkun san. Ħafna minna jqattgħu iktar ħin fuq il-post tax-xogħol minn ximkien ieħor. Allura hawn qed nitkellmu fuq prevenzjoni ta’ vizzji aktar milli jkollna nikkurawhom wara li l-problema tkun kibret.”
Il-Ministru qal ukoll li tul din is-sena, saru investimenti fiċ- Ċentru għas-Servizzi ta’ Rijabilitazzjoni Residenzjali f’Ħal Farruġ, li jgħin persuni biex jintegraw lura fis-soċjetà.