B’investiment ta’ kważi €20 miljun, il-Gvern se jsaqqaf żona ta’ aktar minn 13,300 metru kwadru fuq il-mini ta’ Santa Venera biex joħloq spazju miftuħ għar-residenti tal-inħawi. Il-proġett, li twiegħed mill-Partit Laburista fl-2017, se jgħaqqad it-tessut urban u l-ħajja tal-komunità Vendriża, wara li snin ilu, dawn infirdu minħabba l-proġett ta’ Triq Reġjonali.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li dan se jkun wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali li sar f’komunità. Proġett li r-residenti Vendriżi kienu ilhom jitolbu snin, wara li Gvern Nazzjonalista saqqaf biss parti mill-mini ta’ Triq Reġjonali, bil-konsegwenza li l-lokalità nqasmet fi tnejn.
Il-Ministru Herrera qal li wara li tlesta l-istudju preliminari, il-Gvern qassam il-proġett fi tliet fażijiet bl-ewwel fażi se tara li tissaqqaf it-triq, u tiġi estiża l-mina sa Misraħ il-Barrieri, jiġifieri madwar 4,525 metru kwadru. Wara se jissaqqfu 1,700 metru kwadru ieħor minn Misraħ il-Barrieri sa Triq il-Blata l-Kaħla. It-tieni fażi tal-proġett se tara l-bini ta’ parkeġġ għal 150 karozza, u fl-aħħar fażi se jinbena ġnien miftuħ għar-residenti:
“Tista’ timmaġina minn xiex jgħaddu r-residenti u kemm waqa’ l-valur tal-propjetà. Immaġina dan l-ispazju kollu jissaqqaf, jispiċċa l-ħoss, jiġi park, se tikkrea parkeġġ sostanzjali u se jkollok spazju miftuħ f’nofs Santa Venera, u Santa Venera terġa’ tingħaqad”, spjega l-Ministru.
Il-Ministru Herrera spjega wkoll li dan il-proġett se jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u l-emmissjonijiet mill-karozzi, u fuq kollox se jnaqqas l-istorbju li r-residenti ta’ dawn l-inħawi ilhom jissaportu s-snin. “Oriġinarjament, meta saret Triq Reġjonali, suppost kellna mina u mhux inqassmet min-nofs. Kien hemm ħafna wegħdiet fil-passat u qatt ma sar xejn. Għamilna l-istudju u dan huwa investiment kbir imma se jeleva l-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ hawnhekk”, temm jgħid il-Ministru Herrera.
Il-proġett se jsir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Infrastruttura, u mistenni jitlesta fi żmien erba’ snin.