Il-Gvern ħabbar li mill-Ħadd, fetaħ l-istaġun għar-riċerka, fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, b’rispett lejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Clint Camilleri, li huwa responsabbli minn dan il-qasam, ta spjegazzjoni permezz ta’ filmat fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook ta’ kif se titħaddem din ir-riċerka.
“Tajna aħna l-kelma, li se nkunu qed nirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, kif inhu xieraq, kif ukoll nippretendu li jkun qed jagħmel ħaddieħor. Għaldaqstant, wara l-analiżi li saret u l-pariri li ngħataw lill-Gvern Malti wara l-analiżi li ngħata u wara diskussjoni estensiva li saret fil-Kabinett tal-Ministri, illum il-Gvern Malti qed jiddikjara li se jitfaħ mil-lum, proprju minn issa stess, l-istaġun għar-riċerka għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana b’mod ovvju u b’rispett sħiħ lejn id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea.”
CLINT CAMILLERI
Din l-aħbar, u anke l-ħidma tal-Gvern biex dan seta’ jseħħ, ġiet milqugħa mil-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK.
Għaldaqstant, il-Gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, dan l-istaġun se jiftaħ bejn l-20 t’Ottubru u l-20 ta’ Diċembru, biż-żewġ dati inklużi. Fil-fatt, in-nassaba parteċipanti, iridu jirrappurtaw kull għasuf li jinaqabad lill-WBRU, qabel ma jerġa’ jinħeles fis-selvaġġ fl-iqsar żmien possibli minn meta jinqabad.
Fl-istqarrija maħruġa mill-FKNK, intqal li n-nassaba għandhom japprezzaw ix-xogħol kontinwu tal-FKNK li flimkien mar-rieda politika soda tal-Ministru Clint Camilleri, ir-Riċerka se tkompli għar-raba’ sena konsekuttiva minkejja żewġ Kawżi fil-Qorti tal-Ewropa u l-bosta ntoppi li ffaċċjaw.
“Il-kawża tagħna nemmnu fiha, se nkomplu nsostnuha, u se nkomplu niddefenduha. Aħna meta konna qegħdin nagħtu l-kelma tagħna li nsibu s-soluzzjonijiet fejn jidħol dan is-settur, ma kienx kliem fieragħ. Il-kliem li għidna fil-passat għalina hu kuntratt mal-poplu u għaldaqstant permezz ta’ dawn id-deċiżjoni u l-ħidma bla heda li saret minkejja l-ostakli, proprju llum qed inkomplu nsostnu dan l-istaġun ta’ riċerka.”
CLINT CAMILLERI
Filwaqt li l-Gvern qal kif kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għar-riċerka tal-għana huwa legalment obbligat josserva ir-regolamenti kollha marbuta ma’ din id-deroga, l-FKNK ħeġġet ukoll lin-nassaba membri parteċipanti sabiex igawdu dan l-istaġun skont l-liġi.