Ftehim bejn il-Gvern u Victim Support Malta se jara li din l-għaqda tingħata mija u ħamsin elf ewro f’għajnuna tul it-tliet snin li ġejjin biex tkompl toffri servizzi ta’ wens lil persuni li jkunu għaddew minn suwiċidju fil-familja.
Bħalissa mas-70 persuna qed jieħdu dan is-servizz, u jingħataw għajnuna f’forma ta’ terapija fi gruppi, counselling, evalwar tas-sitwazzjoni u appoġġ ġenerali f’kulma jkollu bżonn. Is-servizz jingħata wkoll mingħajr ħlas.
Karl Grech, il-koordinatur tas-servizzi tal-għaqda, spjega li dan is-servizz jingħaqad ma’ oħrajn li toffri l-għaqd, bħal dawk għal vittmi ta’ stupru jew abbuż. Kull servizz jingħata mingħajr ħlas, huwa kunfidenzjali, u jingħata skont is-sitwazzjoni tal-persuna.
Grech spjega li kemm ilu jeżisti dan is-servizz, mas-sebgħin ruħ ressqu ‘l quddiem jitolbu l-għajnuna.
Huwa qal, “Dik il-figura titkellem waħedha, li isma hemm bżonn nitkellmu aktar fuq is-saħħa mentali tagħna. Jekk għandi problema, speċjalment aħna l-irġiel, noqogħdu għalina. Li nitkellmu u jkollna dik is-sens ta’ komunità u servizzi, qed nippruvaw niffaċilitawha u nikkreawha.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon nnota li għalkemm inizjattiva bħal din tolqot niċċa pjuttost ċkejkna tas-soċjetà, il-Gvern għandu r-responsabbiltà li jħares lis-soċjetà kollha kemm hi.
Il-Ministru Falzon sostna: “L-amministrazzjoni, hi min hi, għandha d-dover li tħares is-soċjetà kollha kemm hi. Ma nistgħux immorru biss fejn hemm in-numri, imma anke niċeċ żgħar li mhux biss ikollhom effett devastanti fuq persuna, u anke dawk ta’ madwarha. Id-dover tagħna li ngħinu.”