Il-Gvern se jibqa’ ta’ spalla mal-bdiewa u r-raħħala lokali u se jibqa’ magħhom kull meta għandhom bżonn. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta għamel stqarrija Ministerjali dwar is-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, li sar fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru tkellem dwar il-protesti li għamlu l-bdiewa madwar l-Ewropa, iżda wkoll f’Malta. Dan meta nhar il-Ġimgħa li għadda, hu tkellem magħhom u sema’ l-karbiet tagħhom dwar id-direttivi Ewropej.
“Jien ma waqaftx ma’ status fuq Facebook. Mort niltaqa’ mal-bdiewa u għall-kuntrarju ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni, il-bdiewa tkellmu miegħi dwar kif ma pprotestawx kontra l-Gvern. Speċifikaw li d-dwejjaq tagħhom hu mmirat lejn regoli bla sens. Jien tajt il-kelma li l-Gvern hu ta’ spalla magħhom u se jibqa’ hekk kull meta għandhom bżonn.”
Hawnhekk il-Prim Ministru għamel dan l-appell lill-istituzzjonijiet Ewropej.
“Allura, Sur President, jien dejjem inwassal il-messaġġ li l-istituzzjonijiet għandhom joħorġu kemm jista’ jkun mill-uffiċini u jisimgħu. Li jħossu u jifhmu r-realtajiet tan-nies. Għax b’hekk biss jista’ jkollna regoli li jagħmlu sens.”
Dwar is-settur tal-agrikoltura, il-Prim Ministru tkellem dwar ħemel ta’ miżuri li saru f’dan is-settur. Fost dawn hemm investiment ta’ kważi €80 miljun li jgħinu direttament f’għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala biex jinvestu f’makkinarju, inġenji u binjiet li huma neċessarji għall-operat tagħhom.
Dr Abela semma li s-sapport għad-dħul tal-bdiewa tela’ minn €30 għal kull tomna għal €84 għal kull bidwi, b’investiment ta’ madwar €15-il miljun. Dan minbarra li qed jgħin lill-bdiewa żgħażagħ, b’inċentiv ta’ €60 għal kull tomna raba li jaħdmu, għall-produzzjoni tal-prodott organiku.
Ma’ dawn, il-Prim Ministru semma r-riformi li saru mill-Gvern, immexxi minnu.
“Imbagħad, ma’ dawn, wieħed irid iżid riformi jew proġetti strutturali li għandhom jagħmlu differenza kbira. Kellna l-kuraġġ li nagħmlu r-riforma tal-qbiela. Ir-riforma tal-kirjiet agrikoli u l-fidi taċ-ċnus. Riformi mfaħħra mill-bdiewa stess, għax bdew jagħtu serħan il-moħħ lis-settur fejn ma kienx hemm.”
Il-Prim Ministru Robert Abela għalaq din il-parti tad-diskors tiegħu billi qal li, f’kull fora internazzjonali, hu jgħaddi l-messaġġ tan-nies.
“Biex intemm, nagħlaq b’messaġġ wieħed. Inkunu fejn inkunu. Jekk hux hawn, jekk hux fil-Kunsill Ewropew, jekk hux f’laqgħat f’istituzzjonijiet oħrajn, irridu nibqgħu nwasslu l-messaġġ ta’ politika għan-nies. Għax aħna qegħdin hawn f’isem in-nies!”
Sadanittant, il-Prim Ministru tenna li hu jinsab diżappuntat bid-diskussjoni li kien hemm fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew dwar il-Lvant Nofsani.
“Ma nistgħux nibagħtu messaġġ li donnu ħajja fil-Lvant Nofsani tiswa inqas minn ħajja fi gwerra oħra. Jew li qisu l-paċi fil-Lvant Nofsani qtajna qalbna minnha. Qisu s-sitwazzjoni umanitarja fil-Medda ta’ Gaza ma tinteressaniex.”
Il-Prim Ministru Robert Abela appella biex ikun hemm rieda mill-istituzzjonijiet Ewropej quddiem is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza u l-Palestina.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna se jibqa’ jibgħat dan il-messaġġ ta’ paċi.
Dr Abela tenna li, fl-aħħar jiem, il-Gvern offra wkoll għajnuniet mediċi u, bħala Kabinett, qabel li jibgħat ikel u għajnuniet oħrajn biex jgħinu lill-vittmi Palestinjani.
F’dan id-diskors, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-reviżjoni tal-baġit Ewropew sal-2027. Hawnhekk qal li ma kien hemm l-ebda ċaqliq fil-fondi li ġew innegozjati f’Lulju tal-2020.
“F’dan il-baġit ma kien hemm ebda ċaqliq f’envelopes nazzjonali. Jiġifieri l-allokazzjoni rekord ta’ Malta għal dan il-perjodu baqgħet kif innegozjaniha b’suċċess f’Lulju tal-2020.”