Quddiem l-isfidi internazzjonali, il-Gvern se jibqa’ jimxi fuq tliet prinċipji: l-għaqal, ir-responsabbiltà, u s-sostenibbiltà.
Waqt intervista mill-ġurnalist Matthew Farrugia fuq One Radio, il-Prim Ministru fakkar li, minkejja l-pandemija u quddiem ir-riperskussjonijiet tal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa, il-Gvern baqa’ jagħti l-għajnuna kollha li kien hemm bżonn lin-nies. Huwa fakkar li, minbarra l-wage supplement u l-Baġits b’saħħithom li kellna, qed tkompli tingħata għajnuna bis-sħiħ fis-settur tal-enerġija, tal-gass fiċ-ċilindri, kif ukoll tal-ġwież u tal-qmugħ sabiex il-prezzijiet jinżammu stabbli.
Huwa qal li l-irkupru ma jfissirx li l-Gvern irid inaqqas mill-għaqal fil-mod kif jaħdem.
Il-Prim Ministru qal ukoll li, filwaqt li hemm dawn in-nefqiet, id-dħul tal-Gvern mit-taxxa fuq id-dħul u mill-VAT huwa b’saħħtu u qed jiżdied, u dan jagħtina s-serħan il-moħħ hekk kif qed jintensifikaw it-tħejjijiet għall-Baġit li jmiss. Il-Gvern qed jiżgura li dak li jidħol jiġi investit lura fin-nies fuq il-prinċipji tal-għaqal, tar-responsabbiltà, u tas-sostenibbiltà. Sadattant, l-istatistika u l-fatti jimlewna bil-kuraġġ hekk kif qed jiżdied il-bejgħ fis-servizzi u fl-industrija, filwaqt li anki t-turiżmu qed jirkupra sew.
Huwa osserva li, filwaqt li pajjiżi oħra għandhom settur turistiku li huwa ristrett għal staġun wieħed, is-settur turistiku f’Malta jestendi għal matul is-sena kollha, u minn dan igawdi l-pajjiż kollu. Semma ż-żjara li għamel ilbieraħ lill-Valletta Cruise Port u f’dawn l-aħħar jiem f’diversi lokalitajiet, u qal li hemmhekk ra dan b’għajnejh.
Il-Prim Ministru qal li s-sena l-oħra kellna 150,000 passiġġier li ġew Malta bil-vapuri, din is-sena qed nitkellmu dwar aktar minn nofs miljun wasla, filwaqt li s-sena li ġejja se jkompli l-irkupru u se neċċedu l-wasliet li kellna fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pademija.
Sostna li l-mira tagħna, iżda, mhux li nibqgħu dejjem inqabblu mal-2019 imma rridu mmorru lil hinn. Huwa fakkar li dan is-settur iġib direttament mal-€100 miljun ewro fis-sena għall-pajjiż.
Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li ditti tal-vapuri tal-kruċieri għażlu li jagħmlu lil Malta bħala l-port bażi tagħhom. Dan ifisser mhux biss turija ta’ fiduċja f’pajjiżna iżda jħalli wkoll numru ta’ impatti pożittivi fuq il-pajjiż.
Huwa fakkar ukoll fil-passi li ħa l-Gvern biex il-vantaġġi ta’ din l-industrija ma jittappnux bl-iżvantaġġi, bħat-tniġġis mill-emissjonijiet fl-arja kkaġunati mill-vapuri. Il-Gvern għażel li, minflok li jkun insensittiv għat-talbiet tan-nies jew irażżan in-numru tal-wasliet tal-bastimenti – li kien iwassal għal tnaqqis fid-dħul finanzjarju tal-pajjiż – żewweġ l-importanza ta’ din l-industrija mal-ħtiġijiet ambjentali u tas-saħħa tan-nies. Dan sar permezz tal-inizjattiva shore-to-ship, li bih il-bastimenti li jkunu sorġuti fil-port jiħdu l-elettriku tagħhom mill-art u b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni.
Huwa osserva wkoll li n-numru ta’ turisti li rrisjedew f’lukandi fit-tieni kwart ta’ din is-sena huma aktar minn tliet darbiet meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Il-mira tal-wasliet li kellna għal din is-sena jidher li se nkunu qed nilħquha, jekk mhux ukoll naqbżuha.
Il-Prim Ministru laqa’ b’sodisfazzjon it-tifħir tal-President tal-Grupp tal-Ewro, Pascal Donohoe, din il-ġimgħa dwar l-irkupru ekonomiku ta’ Malta wara l-pandemija, dwar ir-rata storikament baxxa tal-qgħad, u dwar it-tfassil tal-Pjan ta’ Rkupru ta’ Malta. Huwa fakkar li anki l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kienet iddeskriviet dan il-Pjan ta’ Malta bħala wieħed mill-aktar fl-UE li jirrispettaw l-ambjent.
Filwaqt li tenna li r-ritmu li nqabad fil-pajjiż se jinżamm u jkun ibbilanċjat bl-għaqal, il-Prim MInistru esprima sentiment pożittiv għal-futur u qal li l-pajjiż għandu żmien sabiħ quddiemu.