Waqt attività politika fin-Naxxar il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin.
Dan qalu fi sfond ta’ diversi diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa għal ftehim settorjali ġdid biex jiġu msaħħa u mtejbin l-kundizzjoniet tal-għalliema f’pajjiżna.
Fil-fatt, quddiem l-azzjonijiet industrijali mħabbra mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, fosthom anke bi strajk għall-għalliema tal-iskejjel tal-Gvern u l-Knisja kollha, il-Prim Ministru ddikjara li m’għandhomx ibatu t-tfal mingħajr ebda ħtija meta nafu li fuq il-mejda tad-diskussjonijiet hemm diġà proposta b’saħħitha ħafna mwiegħeda mill-Gvern.
Qal, “Hija proposta li twassal għal titjib sostanzjali kif imwiegħed tal-pagi u kundizzjonijiet tal-għalliema tagħna. Jekk verament l-għan huma l-edukaturi, jien konvint li naslu.”
Intant, Dr Abela tenna li f’dan l-istadju r-responsabbiltà titlob li jiġi rispettat il-proċess tan-negozjati.
Hawn sostna wkoll li anke l-unjin qalet li lesta tibqa’ tiddiskuti u għalhekk irrimarka li dan se jibqa’ jsir b’responsabilità.
Il-Prim Ministru nnota kif minkejja dak kollu li qed jagħmel il-Gvern biex isib ftehim ta’ pakkett finanzjarju sostennibli, mill-banda l-oħra l-Partit Nazzjonalista, b’irresponsabbiltà kbira, qed jipprova jxekkel n-negozjati favur l-edukaturi Maltin u Għawdxin u fuq kollox favur l-istudenti.
Qal, “Responsabbiltà li jiddispjaċini ngħid l-Oppożizzjoni lanqas taf xi tfisser, x’inhi l-kelma responsabbiltà ma jafux. Xejru ċifri bl-addoċċ, qalu figuri bl-addoċċ, ippruvaw ixewxu biex ifixklu l-proċess ta’ negozjar kollettiv biex ifixklu kemm jifilħu l-proċess li bih irridu nagħslu għall-ftehim mal-Unjin tal-għalliema. Xewxu u xekklu kemm felħu.”
Intant, b’differenza, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif dan kien Gvern li wasal biex tejjeb il-pagi u wasal għal ftehimiet settorjali importanti f’diversi oqsma.
Qal, “Dan kien Gvern li tejjeb il-pagi ta’ tant u tant ħaddiema. Li wasal għal ftehimiet settorjali storiċi ma’ tant ħaddiema. Insemmi l-Pulizija, il-qwiebel, l-ESG technicians, l-infermiera u nsaqsi li meta mxejna bi prinċipji tant sodi, li naslu ma’ tant ħaddiema hemm xi dubju li aħna mhux se nagħmlu l-istess mal-għalliema?”