Il-Partit Nazzjonalista m’għandux proposti anke dwar temi li jmur jitkellem fuqhom kontinwament. Dan ħareġ fil-beraħ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici fost l-oħrajn.
B’reazzjoni għal din l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ikkundanna d-difiża li qed issir mil-Partit Nazzjonalista għal dawk il-persuni li qed jevadu it-taxxa. Fi stqarrija qal li wara li s-sussidju tal-kera kien irduppjat fl-aħħar budget, dan il-Gvern se jkompli josserva s-suq tal-kera u se jittieħdu passi oħra neċessarji jekk ikun hemm bżonn.
Il-Ministeru innota li huwa tal-mistħija li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lanqas kapaċi jaqraw statistika, aħseb u ara kemm jistgħu jiġu fdati bit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Huwa fatt ippruvat illi filwaqt li taħt tmexxija Nazzjonalista l-faqar kien żdied, f’dawn l-aħħar snin ta’ Gvern Laburista l-faqar naqas.
Dan seħħ f’perjodu fejn pajjiżna ra l-ogħla livell ta’ impjiegi, l-inqas rata ta’ qgħad, nuqqas sostanzjali ta’ persuni fuq benefiċċji soċjali, riforma fil-pensjonijiet, tnaqqis tat-taxxa, inċentivi biex persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u għexieren ta’ miżuri oħra ta’ fejda.
Huwa ta’ għajb illi l-Oppożizzjoni tibqa’ tkun negattiva u tallarma lin-nies sabiex tipprova tikseb punti politiċi.