Il-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li jmexxu lill-pajjiż ’il quddiem, jisma’ lin-nies u tinħoloq soċjetà iktar ġusta.
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela quddiem folla sabiħa ta’ nies wara li l-Ħadd filgħodu żar il-komunitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħal Qormi sabiex anke jisma’ dak li għandhom xi jgħidu n-nies.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru tenna l-fatt li l-Gvern se jkompli jaħdem biex l-ekonomija tkompli tikber u jimxi mal-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż.
Irrimarka li għalhekk hemm bżonn riformi fl-ippjanar biex kull ċittadin iħoss li huwa validat u l-kontribut li jagħti huwa wieħed siewi.
Hawn, il-Prim Ministru nnota l-proġetti ta’ iktar spazji miftuħa li qed isiru madwar Malta u Għawdex fejn il-familji jkollhom fejn iqattgħu l-ħin flimkien.
“Dan il-messaġġ favur Malta aktar ġusta jissarraf filli jkollna prijoritajiet ta’ ambjent aqwa għal kulħadd. Iva nemmen li Malta aktar ġusta tfisser li jkollna iktar spazji miftuħagħal kulħadd fejn kull wieħed minnha fl-aħħar tal-ġimgħa jirrikreja ruħu mal-familja tiegħu wara ġimgħa iebsa ta’ xogħol.”
Irrefera wkoll għall-ħruġ mill-ġdid taċ-ċekkijiet msaħħa tar-rifużjoni tat-taxxa fejn il-Gvern jibgħat ċekk lill-ħaddiema kollha li jaqilgħu inqas minn €60,000 fis-sena, flimkien mal-pensjonanti, bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom.
Ċekkijiet li se jibdew jitqassmu propju mit-Tnejn.
“Huwa l-istess prinċipju dak tal-ġustizzja soċjali, dak tal-ġustizzja, dak ta’ Malta aktar ġusta li jimbuttana ’l quddiem biex iniedu skemi bħal dawk tar-rifużjoni tat-taxxa. Skema li fiha minn għada se nkunu qegħdin ninvestu €26 miljun fikom in-nies.”
Intant, il-Mexxej Laburista rrimarka l-kritika tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
“Qas kont għadni lestejt id-diskors li ma ħarġux jitkellmu kontra. Lanqas kont għadni lestejt id-diskors u dik tibqa’ d-differenza ewlenija bejn min jemmen f’soċjetà li tinvesti fin-nies tagħha għal min ma jemminx li għandna ngħinu lin-nies.”
Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-isfida tal-inflazzjoni u tenna li għalkemm il-gvern żamm il-prezzijiet tad-dawl u l-fjuwil stabbli, xorta fehem li hemm bżonn ta’ għajnuna addizjonali.
Fil-fatt, elenka diversi miżuri li l-Gvern wettaq favur in-nies fosthom iż-żieda fic-childrens allowance, iż-żieda fil-pensjonijiet u t-titjib fl-inwork benefit biex issa minn din l-aħħar skema jibbenefikaw ħames darbiet aktar ħaddiema.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif il-Gvern kompla juri li għandu ruħ soċjali hekk kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena il-Gvern investa iktar minn €360 miljun f’benefiċċji soċjali.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li ekonomija b’saħħitha u l-investiment soċjali jibqa’ jiġi sostnut sakemm il-Partit Laburista jibqa’ jirbaħ il-fiduċja tan-nies u dik il-fiduċja jrid jibqa’ jaħdem għaliha b’umilta flimkien ma’ kulħadd favur Malta aktar ġusta.
“Ejja sabiex nibqgħu nimbuttaw dan il-kunċett ta’ soċjetà aktar ġusta ’l quddiem. Fadlilna ħafna u ħafna x’nagħtu lil dan il-pajjiż. Fadlilna erba’ snin ta’ ħidma b’saħħitha. Grazzi ta’ kull ma qegħdin tagħmlu għal dan il-moviment. Grazzi lilkom u ejja nibqgħu naħdmu flimkien għal Malta aktar ġusta flimkien immexxu għal dan il-pajjiż.”