Din hija garanzija bla ebda tlaqliq. Il-Gvern se jibqa’ jkun hemm għan-negozji.”
Din kienet id-dikjarazzjoni ewlenija tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-Erbgħa filgħodu.
Laqgħa fejn fiha ġiet diskussa d-deċiżjoni tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, biex tpoġġi lil Malta fi proċedura ta’ iktar moniteraġġ fil-qasam finanzjarju.
Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu billi qal li apprezza r-reazzjonijiet responsabbli tal-imsieħba soċjali għal din id-deċiżjoni. Reazzjonijiet li xehdu kemm fil-fatt ġiet innutata l-ħidma tal-Gvern u l-bidliet li wettaq fl-aħħar xhur.
Dr Abela spjega kif dawn il-bidliet li ġew innutati minn bosta istituzzjonijiet: “Infakkar ukoll li dawn il-bidliet, kemm dawk ikkonċernati mal-governanza t-tajba, li jikkonċernaw l-ġlieda tagħna kontra r-reati finanzjarji, kellna dawk li partikolarment jikkonċernaw ir-Rule of Law li ġabu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Venezja li wkoll kienet għamlet rapport separat li implimentajnieh ukoll u kellna saħansitra wkoll l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll li huwa għażel li ma jikkontaminax id-diskussjoni dwar id-deċiżjoni tal-FATF b’diskors politiku partiġġjan. Dan hekk kif l-obbligu ta’ dan il-Gvern jibqa’ li jindirizza l-obbligi tekniċi li ġew immarkati.
Hekk kif elenka t-tliet rakkomandazzjonijiet li semmiet l-FATF biex pajjiżna jibqa’ jaħdem fuqhom, il-Prim Ministru assigura l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jagħmel dan mingħajr ma jxekkel l-investiment u x-xogħol.
Saħaq kif din l-isfida se tkun qed tinbidel f’opportunità madankollu din teħtieġ l-impenn mhux biss tal-Gvern iżda tal-imsieħba soċjali u soċjetà kollha.
Dwar ir-rakkomandazzjoni tal-FATF biex tintuża iżjed l-intelliġenza finanzjarja biex ikomplu jinqabdu każijiet ta’ kriminalità finanzjarja, Dr Abela qal li dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jinvesti fl-FIAU.
Dr Abela sostna: “Jien kommess li mmexxi Gvern li se jibqa’ jinvesti fl-FIAU kif għamilna sal-lum fejn mhux biss saħħaħaħna din il-unit bi professjonisti iżda saħħaħna l-budgets tagħha mingħajr preċedent. Tafu kemm qed ninvestu f’dan il-qasam? 20 darba iżjed milli l-pajjiż kien jinvesti fl-2012. 20 darba iżjed bla ma nsemmi r-riżorsa tan-nies għaliex hemmhekk l-aktar li investejna.”
Dwar it-titjib tas-sistemi li permezz tagħhom ikunu magħrufa l-benefiċċjarji ta’ ċertu flus u assi, Dr Abela tenna li llum imxejna ħafna ’l quddiem f’dan ir-rigward madankollu fadal x’isir.
Tenna li se jkollna sistema ta’ rappurtaġġ effettiva u jekk l-affarijiet ma jkunux sewwa se tkun qed tittieħed azzjoni. Il-Prim Ministru reġa’ tenna li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu f’dan ir-rigward.
Fil-fatt il-Prim Ministru semma t-tibdil li jrid iwettaq il-Gvern b’rabta mal-Abbozz li jemenda l-Att tal-Interpretazzjoni. Saħaq kif fuq dan il-Kummissjoni Venezja qablet mat-triq tal-Gvern u issa jittama li l-Oppożizzjoni tkun mal-Gvern dwar dawn il-bidliet.
Dwar il-ħlas tat-taxxa, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ pro market u mhux se jżid piżijiet relatati mat-taxxa. Madankollu mhux se jkun aċċettat li jkun hawn min ma jħallasx taxxa. Temm jgħid li ħa naħdmu biex ikun hemm ‘level playing field’ għal kulħadd.
“Se ssibu Gvern lest bid-djalogu, azzjonijiet u deċiżjonijiet,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Mal-imsieħba soċjali ġie diskuss ukoll il-Pjan Ta’ Rkupru mill-pandemija b’fondi Ewropej li jammontaw għal €320 miljun. Dan il-pjan ġie approvat mill-Kabinett nhar it-Tnejn li għadda