Mija u għaxar qasam tad-djar mferrxin fl-ibliet u l-irħula f’Malta se jkollhom lift installat bħala parti minn proġett ambizzjuż għar-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binjiet. Dan tħabbar mis-Segretarji Roderick Galdes u Aaron Farrugia, waqt li kienu qed jinawguraw l-ewwel lift li ġie installat f’binja tal-Gvern f’Ħal Qormi.
Aktar minn disa’ mitt familja se jibbenefikaw minn dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ għaxar miljun ewro u huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b’ħafna minnhom ikunu anzjani, residenti b’diffikultà ta’ mobbiltà, u persuni b’diżabbiltà fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li l-proċess mistenni jieħu ż-żmien, għax ħafna minn dawn il-binjiet li nbnew sa ħamsin sena ilu ma kinux maħsuba li jkollhom lift jopera fil-komun. Għalhekk il-proċess inkluda tibdil strutturali sostanzjali, ftuħ ta’ bibien ġodda, u xogħlijiet oħra qabel l-installazzjoni tal-lift.
Fl-istess ħin, il-proġett se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet, u b’hekk il-Gvern jilħaq il-miri tiegħu tal-effiċjenza tal-enerġija billi jirriġenera dawn iż-żoni u ftit ‘il barra minnhom biex jiżdied il-livell ta’ għajxien f’komunità aktar inklussiva. Il-proġett se jara wkoll li ż-żoni ta’ madwar dawn il-binjiet jisbieħu bi tħawwil ta’ siġar ġodda, bl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl, kif ukoll sistema ta’ ħażna tal-ilma.
“Il-ħsieb tagħna hu li tul din il-leġislatura wkoll, inkunu wettaqna l-akbar ammont ta’ lifts li qatt saru f’housing estates minn Gvernijiet. Mhux biss dawn il-mitt blokka, imma għandna aktar proġetti f’binjiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’aċċessibbiltà. Apparti hekk se nagħmlu wkoll xogħol ta’ rinovar fil-binja nnifisha” qal Galdes
Ix-xogħlijiet fiż-żoni komuni jinkludu ukoll l-installazzojini ta’ dwal effiċjenti fl-enerġija, faċilitajiet tal-intercom, kif ukoll aperturi effiċjenti fl-enerġija
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw tajjeb u fejn hemm l-iktar bżonn li dawn jiġu investiti. Huwa għalhekk li dan il-Gvern ried jindirizza l-isfida tan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà lil anzjani u persuni b’diżabbiltà.
B’hekk Farrugia temm jgħid li l-użu tal-fondi Ewroej qed jirrifletti l-għajta ta’ Gvern Laburista ta’ prosperitá f’soċjetá ġusta.
“Bil-fondi Ewropej qed noħolqu l-ġid u nagħtu ħiliet ġodda u noħolqu l-ġid. Bi proġetti hekk qed inqassmu dak il-ġid fis-soċjetà.”
Il-proġett se jitmexxa mill-Awtorità tad-Djar, bil-mija u għaxar liftijiet ġodda mistennija jitlestew sa tliet snin oħra.