Għada, seba’ pazjenti li għandhom bżonn urġenti tar-radjoterapija, se jħallu Malta lejn Ruma biex jieħdu dan is-servizz.
Bl-istess mod, it-tieni grupp ta’ pazjenti meqjusa urġenti li ma jistgħux jistennew għal dan is-servizz, se jitlaq minn Malta l-Ħamis.
Il-Gvern se jħallas ukoll għal persuna waħda li tista’ takkumpanja lill-pazjenti.
Dawn il-pazjenti se jmorru barra minn Malta fid-dawl li s-servizz tar-radjoterapija fl-Isptar Mater Dei ġie sospiż b’mod temporanju minħabba ħsarat tekniċi fil-linear accelerators tal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li żviluppaw tul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Bħalissa, professjonisti mill-Isptar Mater Dei qed jitkellmu ma’ kull pazjent b’mod individwali li jużaw dan is-servizz.
Sadanittant, għaddejja wkoll ħidma biex tissewwa l-ħsara li nqalgħet, anki bis-sehem ta’ professjonisti tekniċi minn barra ’l pajjiż.
Fi stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa lbieraħ, ġie spjegat kif twaqqaf bord ta’ inkjesta interna biex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-ħsara, għaliex din hija l-ewwel darba li saret ħsara teknika ta’ dan it-tip.