Minn wara l-budget li se jkun ippreżentat għas-sena d-dieħla, l-ispejjeż marbuta mal-mediċini tal-IVF, li jammontaw għal €3,500 se jkunu koperti mill-Gvern ukoll biex b’hekk kull spiża marbuta mal-IVF se tkun merfugħa mill-Gvern u l-koppji ma jħallsu assolutament xejn.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament l-Erbgħa filgħodu meta kien qed jiġi diskuss ir-rapport annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Spjega li apparti l-ħlas taċ-ċikli, counselling u servizzi oħra, issa l-Gvern se jħallas il-mediċini li s-soltu jħallsu l-koppji: “Anki l-ispiża tal-mediċini, jiġifieri dawk it-tlett elef ewro, tlett elef u ħames mitt ewro illi qegħdin iħallsu koppji li qegħdin jagħmlu l-IVF ġewwa s-servizz tas-saħħa tal-Gvern, anki din l-ispiża ħa jkun qed jerfagħha l-Gvern. Jiġifieri minn issa ’l quddiem l-ispiża kollha tal-IVF ħa tkun qiegħda tiġi merfugħa mill-Gvern.”
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jerfa’ wkoll l-ispejjeż marbuta mal-programm tad-donazzjoni tal-isperma biex b’hekk il-programm kollu tal-IVF, se jkun kollu kopert mill-Gvern.
Qal li bħalissa hemm seba’ ommijiet potenzjali fil-programm tad-donazzjoni tal-isperma.
Chris Fearne beda d-diskors tiegħu billi fisser kif kemm ilu li beda s-servizz tal-IVF f’Malta, kellna 373 miraklu.
Qal li dawn it-trabi li twieldu bl-IVF illum kibru, hemm minnhom qed jiżviluppaw fl-edukazzjoni u f’attivitajiet ekstrakurrikulari u qed iferrħu tant ġenituri u nanniet.
Dwar id-dibattitu fuq l-iffriżar tal-embrijuni, Chris Fearne fisser kif kien hemm ċertu biża’ fuq l-iffriżar tal-embrijuni għaliex hawn min jaħseb li bl-iffriżar, l-embrijuni se jmutu.
Qal li x-xjenza u r-riżultati juru mod ieħor hekk kif bl-iffriżar tal-embrijuni, ir-rata ta’ suċċess ta’ nisa li nqabdu tqal hija ferm ogħla.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Ir-rata ta’ dawk li għamlu l-IVF bl-embryo freezing, mingħajr embryo freezing kienet 13.9%, bl-embryo freezing, kienet ta’ kważi 20% (19.7%). Jiġifieri mhux talli l-IVF, jekk tagħmel l-embryo freezing tnaqqas ir-rata ta’ suċċess, allura kif kienu qed jgħidulna, ħa jkollna aktar embrijuni li ħa nitilfuhom talli bil-maqlub.”
Chris Fearne saħaq li m’għandna l-ebda embrijun fil-friża li l-koppja ma tridx tużah.
Fil-Parlament, Fearne spjega wkoll li bħalissa għandna 28 mara tqila bl-IVF u sal-aħħar tas-sena mistennija jwelldu 35 tarbija, għaliex hemm ommijiet minnhom li mistennija jkollhom tewmin.
Chris Fearne spjega wkoll li minħabba l-pandemija, għal xi perjodu, is-servizz tal-IVF kellu jieqaf u wara li kompla jingħata, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni ddeċidiet li ċ-ċikli tal-IVF bdew mal-ewwel għal dawk il-ġenituri li kienu iżjed avvanzati fl-età.
Saħaq li b’dan il-mod 14-il mara nqabdu tqal u ma tilfux iċ-ċans li jsiru ommijiet.