Il-Gvern se jibda jħallas mediċina partikolari li jeħtieġu persuni bis-Cystic Fibrosis.
Dan ħareġ waqt laqgħa virtwali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u Mandy Vella, li għandha din il-kundizzjoni u li sa ftit tal-jiem ilu kienet rikoverata l-isptar.
Il-Prim Ministru spjega li wara anki diskussjonijiet mal-Ministru għas-Saħħa u dak għall-Finanzi ttieħdet id-deċiżjoni li din il-mediċina tidħol fil-formularju tal-Gvern.
Viżibilment kommossa, Mandy Vella laqgħet din l-aħbar u rringrazzjat lill-Prim Ministru, b’Dr Abela pront iweġibha li m’għandiex għalfejn għaliex dan hu obbligu tal-Gvern li jgħin u qal lil Mandy li hi u nies bħalha mhux se jitħallew waħidhom.
Il-Prim Ministru għamel kuraġġ lil Mandy u nies oħra bħalha u wegħdha li se jżomm kuntatt dirett magħha biex jinfurmarha bid-dati ta’ meta l-mediċina se tkun disponibbli għal min għandu s-Cystic Fibrosis.
Is-Cystic Fibrosis hija kundizzjoni ġenetika li taffettwa fost oħrajn il-pulmun u tnaqqaslek is-saħħa.
Riċentament missier Mandy għamel appell għaliex il-mediċina li teħtieġ bintu u nies oħra tiswa eluf ta’ ewro fix-xahar.
Issa l-Gvern se jalloka l-fondi biex il-mediċina li għandhom bżonn nies bis-Cystic Fibrosis jieħduha mill-aktar fis.
Fil-fatt Mandy spjegat li b’din il-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis hemm tfal u qalet li l-fatt li hi trid tgħix iżda minħabba timbru ta’ prezz ma tistax, kienet xi ħaġa li qed tkiddha.
Intant mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela laqgħet din l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jipprovdi l-mediċina li għandhom bżonn persuni b’din il-kundizzjoni.
Spjegat kif permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-pajjiż se jkun qed jinvesti l-fondi tiegħu b’mod responsabbli u sostenibbli.