– Fl-2013 l-FTS tħalliet b’dejn b’imgħax għoli ta’ €67 miljun
– Il-ħlas tal-imgħax waħdu kien ta’ €1.6 miljun fis-sena
– Kull skola li bena l-gvern preċedenti ma tħallsitx, se jkun dan il-gvern li jħallas għalihom
Informazzjoni mqiegħda fuq il-mejda tal-Parlament turi li l-Gvern Nazzjonalista ħalla lill-Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS) b’xejn inqas minn €67 miljun f’dejn. Fl-2013, l-imgħax waħdu ta’ dan id-dejn kien ta’ €1.6 miljun. B’risposta għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li d-dejn fl-FTS kien ta’ ftit iktar minn €100,000 fl-2001, meta din bdiet topera.
Iżda d-dejn akkumula b’mod mhux strutturat għal €67 miljun għas-snin li l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern. L-interessi fuq id-dejn li kien jitħallas minn fuq it-taxxi taċ-ċittadin kienu telgħu għal €1.6 miljun fis-sena.
Dak huwa l-imgħax li kien jitħallas tal-interessi u mhux fil-kapital innifsu u kien ogħla mis-soltu għax ma kienx strutturat. Kien dan il-gvern li, lura fl-2013 innegozja r-ristrutturar ta’ dan id-dejn ma’ bank lokali biex ikollu termini aħjar fl-interess ta’ governanza tajba, filwaqt li joffri valur aħjar lill-pubbliku.