Il-Gvern se jkun qed iħallas għax-xogħlijiet li fadal b’rabta mal-istatwa tar-Redentur tal-Isla. Tħabbar dan mill-Prim Ministru meta waqt iċ-ċeremonja li tiċċelebra r-restawr fuq l-istatwa, kif l-Arċipriet kien qed iħabbar li minn għada se jkun qed jerġa’ jibda l-ġbir biex iħallas €18,000 għar-restawr fuq in-niċċa u mekkaniżmu biex l-istatwa tiddaħħal faċċilment mingħajr ma jsirilha ebda ħsara. Kien proprju f’dan il-mument li l-Prim Minsitru li kien preżenti, għamel sinjal lill-Arċipriet u ħabbar li l-flus kienu se jingħataw mill-Gvern.
Il-parruċċani Sengleani u bosta Maltin devoti tar-Redentur tal-Isla illum erħewlha lejn il-kolleġjata bażilika tal-Isla biex wara disa’ xhur se jkunu qed jaraw għall-ewwel darba l-istatwa tar-redentur irrestawrata. Matul ir-Randan kollu l-istatwa ser tkun għall-qima u d-devozzjoni tal-pubbliku fil-Bażilika tal-Isla. Il-Ġimgħa, 9 ta’ Marzu, fis-18:00, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur u wara jiċċelebra Quddiesa fil-Bażilika stess.
F’April, ir-Redentur mhux ser ikun espost għall-qima tal-pubbliku.
B’rabta mal-proċess kollu ta’ restawr li qed isir fuq din l-istatwa ta’ Ġesù Redentur, ser jiġi ppubblikat il-ktieb bit-titlu Ir-Redentur: History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea.