Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kien diġà ddikjara li se jkun qed imexxi ’l quddiem inizjattiva li tgħin lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-festi b’rabta mal-ħlas għall-iskorta tal-piroteknika.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern, b’referenza għall-istqarrija tad-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo dwar il-ħlas tal-iskorti għad-dilettanti tan-nar.
Il-Ministru Camilleri fakkar li diġà saru dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar għajnuna li se tingħata.
Huwa fisser kif fl-aħħar xhur ittieħdu passi biex tissaħħaħ is-sistema tal-extra duty tal-pulizija.
Dan sabiex il-ħaddiem jieħu dak li hu tiegħu, inkluż ħlas doppju fi ħdud u festi u biex meta pulizija jinqala’ biex jaħdem extra duty dan isir għal minimu ta’ sigħat.
Dan b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-pulizija bħal ħaddiem li ħaqqu kundizzjonijiet xierqa.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li jifhem li din il-bidla setgħet laqtet lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-qasam tal-piroteknika u dawk li jkollhom piroteknika fil-festa tagħhom, u għalhekk qed jaħdem fuq inizjattiva biex tgħinhom itaffu l-piż.
Għal dan il-għan fil-ġranet li ġejjin l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn is-soċjetajiet se jiġu mgħarrfa bl-għajnuna li se tingħata.