Persuni li ħallew impatt qawwi fuq il-qasam mediku se jibdew jiġu kkommemorati billi jissemmew dipartimenti mediċi għalihom.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament, hekk kif sostna li fl-aħħar jiem żewġ persuni li taw kontribut liema bħalu fil-qasam mediku, mietu.
Huwa spjega kif id-Dipartiment tat-Tfal fi ħdan l-Isptar Mater Dei se jkun qed jissemma għal Dr Victor Calvagna u dak tal-Kardjoloġija se jissemma għall-Professur Albert Fenech.
Id-Deputat Prim Ministru sostna wkoll li l-Berġa ta’ Ħaż-Żabbar se tissemma għall-Professur Anġlu Psaila u l-kirurgu Charles Grixti se jiġi kkommemorat hekk kif id-Dipartiment tal-Ortopedia se jkun imsemmi għalih.
F’isem il-Gvern, id-Deputat Prim Ministru sellem il-memorja ta’ Dr Calvagna u l-Professur Fenech u ta l-kondoljanzi tiegħu lill-qrabathom.