Negozji li jħaddmu ħamsin persuna jew anqas se jibqgħu jgawdu mill-iskema MicroInvest, li tagħtihom għajnuna finanzjarja f’kreditu ta’ taxxa meta jinvestu f’apparat jew operat ġdid. Fl-istess ħin, negozji li diġà kisbu ċertifikat tal-MicroInvest jistgħu jibqgħu jgawdu minnu sal-2026 minflok sal-2023.
Dan ikkonfermatu l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn qalet ukoll li l-maġġoranza tal-benefiċċjarji s’issa kienu negozji fil-qasam tal-bejgħ.
Mill-2019 s’issa, Malta Enterprise approvat €84 miljun f’għajnuna b’din l-iskema.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Qed nestendu dawk magħrufa bħala tax credits bi tliet snin, jiġifieri n-negozji jistgħu jsarrufhom sal-2026, u dik se tħallilhom f’idejhom mal-€84 miljun x’jużaw f’investimenti li jgħinuhom jiddiversifikaw aktar il-mudell tan-negozju tagħhom.”
Hawn kien spjegat ukoll li aktar minn sebat elef negozju qed ikun stmat li se jgawdi mill-estensjoni tal-validità taċ-ċertifikat, bil-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia, jispjega li s-sejħa li tnediet il-Ħamis se tiftaħ għal inizjattivi oħra wkoll.
Huwa stqarr: “Allura fil-MicroInvest il-ġdida se nestendu l-għajnuna fuq affarijiet oħra bħal ċertifikazzjoni, għaliex dejjem irridu li n-negozji jgħollu standards ambjentali u ta’ diġitalizzazzjoni, u anke nestendu għal djar tal-anzjani, djar privati u skejjel privati.”
Ma’ ONE News Farrugia spjega wkoll direzzjoni oħra li adottat l-entità fejn tidħol il-MicroInvest.
Huwa tenna: “Li nassistu ftit aktar ukoll dawk in-negozji li jmorru lejn investimenti sostenibbli, li fil-bdil tal-makkinarju jużaw anqas enerġija u jinstallaw sistemi bħal karozzi li jużaw fid-distribuzzjoni, li jkunu hybrid jew elettriċi.”
L-applikazzjonijiet biex negozju jġedded il-validità taċ-ċertifikat ta’ kreditu li diġà kiseb se jibqgħu miftuħa sa Novembru li ġej, u negozji jew persuni li għandhom bżonn għajnuna jew informazzjoni fuq l-iskema l-ġdida jistgħu jċemplu fuq in-numru.