L-iskema tal-għotja fuq roti jew roti elettroniċi li hi ekwivalenti għal refund sħiħ tal-VAT, se tiġi estiża għal sena oħra. L-iskema introdotta fil-baġit għal din is-sena, dik li jinċentiva wkoll ix-xiri ta’ muturi, scooters u roti assistiti b’mutur tal-elettriku għal massimu ta’ €400, se tiġi estiża għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Edward Sciluna kkonferma fid-diskors tiegħu tal-baġit, li skema li ddaħħlet tliet snin ilu fejn jingħata grant lill-Kunsilli Lokali jew lill-kumpaniji privati li jwaħħlu bicycle racks biex aktar persuni jitħajru jużaw ir-rota, ukoll se tkun estiża għal sena oħra.
Bil-għan li aktar persuni jkunu mħeġġa jixtru karozzi li ma jħammġux l-arja, l-inċentiv li dawn il-persuni jkunu eżentati minn kull taxxa ta’ reġistrazzjoni se tkun estiża għas-sena d-dieħla. Fl-istess ħin se jiġu estiżi l-iskemi ta’ skrappjar ta’ vetturi u tal-għoti ta’ grant għal min jibdel il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass flok bil-petrol.