Il-Gvern se jkun qed jestendi aktar is-servizz tal-Fast Ferry bejn Malta u Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministri Aaron Farrugia u Clint Camilleri waqt li pparteċipaw f’diskussjoni wiesgħa ma’ stakeholders f’Għawdex dwar l-isfidi relatati mat-trasport.
Huma ħabbru li minn nhar minn nhar l-Erbgħa li ġej, se tidħol fis-seħħ skeda aġġornata u estiża ta’ dan is-servizz bejn il-gżejjer.
Il-Ministru Farrugia u Camilleri qalu li sakemm il-Kummissjoni Ewropea tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar jekk għandiex tingħata għajnuna lill-operaturi tal-fast ferry biex iżidu u jsaħħu s-servizz tagħhom, b’kuntratt ta’ servizz pubbliku, il-Gvern se jibqa’ jassigura u jtejjeb dan is-servizz.
Il-Ministru għall-Għawdex, Clint Camilleri sostna li l-Gvern se jkun qed joffri dan is-servizz bi skeda li hi intiża li taqdi primarjament lill-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin.
“Dan huwa servizz b’obbligu soċjali lejn Għawdex u l-Għawdxin u, għaldaqstant, il-Gvern iddeċieda li proprju jagħmel id-deċiżjonijiet li kellu jieħu biex isaħħaħ dan is-servizz.”
Il-Ministru responsabbli mit-Trasport, Aaron Farrugia, qal li r-realtajiet tal-gżira Għawdxija huma differenti minn ta’ Malta, iżda saħaq fuq l-importanza tad-diskussjoni mal-imsieħba.
“Il-possibbiltà illi ntejbu u nsaħħu t-trasport pubbliku illi bħalissa qed jingħata lill-poplu Malti u Għawdxi. Inħarsu ’l quddiem biex ningħataw il-feedback mingħand dawn l-istakeholders u nieħdu d-deċiżjoni tagħna fiż-żmien illi ġej.”
F’Ottubru li għadda, il-Gvern ħabbar li kien qed jiddiskuti kuntratt ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku mal-Kummissjoni Ewropea, li għandu valur ta’ €12-il miljun fuq perjodu ta’ sentejn.
B’reazzjoni għal dan, imsieħba bħall-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu (il-GTA) u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħu b’mod pożittiv din l-aħbar u rrimarkaw dwar is-sinifikat soċjali u ekonomiku ta’ dan is-servizz.
Ritratt: maltabusinessweekly