Il-Gvern Malti se jemenda l-avviż legali li jippermetti lill-Ministru jżomm mill-pubblikazzjoni ta’ xi isem ta’ persuna li tkun kisbet iċ-ċittadinanza jekk tinħass il-ħtieġa f’każi straordinarji.
Dak skont stqarrija ppubblikata mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-komunitajiet li fiha kien hemm miktub ukoll li pajjiżna hu l-uniku wieħed li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li ħadu ċ-ċittadinanza, u issa se jibda jippubblika wkoll ta’ dawk li tittieħdilhom iċ-ċittadinanza Maltija bħala sinjal ieħor ta’ trasparenza.
L-istqarrija kompliet tgħid li din il-klawsola kienet maħsuba għal ċirkostanzi straordinarji ħafna li mhux bilfors ikunu marbuta maċ-ċittadinanza bil-mertu. Għaldaqstant, din il-klawsola tista’ tkun interpretata bħala li titfa’ ċertu dubju fuq ix-xogħol kbir li sar biex tissaħħaħ it-trasparenza. B’hekk, il-Gvern ta widen u qed jieħu nota tat-tħassib li tqajjem u se jkun qed ineħħiha mill-avviż legali.
Il-bidliet kollha li saru tħejjew fi spirtu pożittiv ta’ governanza tajba u tisħiħ ta’ programm li ħalla ġid kbir lill-poplu Malti.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat stqarr, “Issa morna saħansitra pass iżjed. Dan il-gvern għamilha ċara li beħsiebu jkompli jagħfas sabiex tiżdied it-trasparenza li diga hija Waħda għolja immens u issa l-pass il-ġdid huwa li se nibdew ukoll nippubblikaw l-ismijiet ta’ dawk kollha li jiġu ppruvati miċ-ċittadinanza. Jiġifieri dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra neħdulhom iċ-ċittadinanza għal raġuni tkun liema tkun, se nibdew anke nippublikaw min huma dawk in-nies li ma jibqgħux Maltin.”