Il-Gvern jinsab preparat biex, meta tinqata’ s-sentenza finali tal-kawża tal-konċessjonijiet tal-isptar, is-servizzi kollha fl-isptarijiet jibqgħu għaddejjin b’mod normali.
Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta fiil-Parlament ġew diskussi l-konċessjonijiet tal-isptarijiet.
“Dawn is-servizzi kollha li għaddejjin għandna preparamenti biex jibqgħu għaddejjin, il-laboratorji, l-x-trays, l-ambulanzi. Dawn kollha jibqgħu għaddejjin. Dalgħodu, wara s-sentenza, is-sitwazzjoni fl-Isptar Karen Grech u Għawdex għadha l-istess bħal ma’ kienet il-Ġimgħa, għadhom għaddejjin u jiġri x’jiġri ħa jibqgħu għaddejjin. Dan aħna niggrantuh, is-servizz tas-saħħa f’Għawdex u f’Karen Grech jibqgħu.”
Chris Fearne qal ukoll li, fil-każ ta’ dawk li jagħtu s-servizz b’xi kuntratt, bħall-ikel, dan se jkompli jingħata b’mod normali.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li anki l-iskola ta’ Barts, li hija storja ta’ suċċess, se tkompli għaddejja.
Apparti minn hekk id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern se jwettaq dan li wiegħed, jiġifieri sptar modern f’Għawdex.
“Li dak illi wegħdna lill-Għawdxin ikollhom sptar ġewwa Għawdex se nużaw illi sseħħ. Se naħdmu b’mod responsabbli, imma b’impenn sħiħ biex inkunu ċerti li l-Għawdxin ikollhom sptar modern kif wegħdna u dak se nagħmluh.”
Chris Fearne qal li, kemm ilu Ministru għas-Saħħa, kien hemm ħafna sfidi, fosthom il-pandemija u anki din il-konċessjoni tal-isptarijiet. Qal li, fl-2016, huwa talab li jkun hemm investigazzjoni dwar din il-konċessjoni mill-Awditur Ġenerali.
Id-Deputat Prim Ministru qal li huwa kuntent li l-istituzzjonijiet ħadmu u qed jaħdmu, hekk kif issa bid-deċiżjoni tal-Qorti.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, semma kif taħt Gvern Nazzjonalista, l-isptar Mater Dei dam biex sar u ġie jiswa ħames darbiet aktar – dan anki skont rapport tal-Awditur Ġenerali. Sostna li mhux biss dam biex sar iżda l-affarijiet ma kinux saru sew.
Il-Ministru Caruana sostna li l-Gvern qiegħed jaħdem sabiex is-servizz tas-saħħa jkun tal-aqwa kwalità u saħaq li pajjiżna qatt ma ra daqshekk investiment fil-qasam tas-saħħa. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi insista li, sena wara oħra, fil-Budget, Gvern Laburista se jkompli jinvesti fin-nies.
“U hekk, Sur President, nista’ nagħti l-kelma tiegħi li, sena wara l-oħra, se nkomplu nivvutaw aktar flus, għaliex jekk dan il-pajjiż bla riżorsi naturali, xorta waħda jibqa’ jipprovdi lill-popolazzjoni tiegħu b’servizz tas-saħħa eċċellenti u bla ħlas.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li l-Gvern dejjem kien ċar fil-ftehimiet tiegħu, li dak maqbul dejjem għandu jkun onorat. Il-Ministru Attard sostna li l-Gvern huwa ffukat li s-servizz tas-saħħa u l-impjieg tal-ħaddiema huma garantiti.
“Ħaddieħor, Sur President, medhi biex juża din is-sentenza tal-Qorti biex jipprova jżomm postu fil-partit tiegħu, Aħna ffukati nassiguraw li kull ħaddiem iserraħ rasu dwar xogħlu. Ħaddieħor qed jinqeda b’din is-sentenza tal-Qorti biex jipprova jerġa’ jsib postu fil-partit, wara li sħabu stess rmewh. Aħna nagħtu garanzija li l-ebda servizz fl-isptarijiet mhu se jitnaqqar, anzi se nkomplu nsaħħu s-servizzi li nagħtu fl-isptarijiet tagħna.”
Il-Ministru tal-Ġustizzja nnota li n-narattiva tal-Oppożizzjoni, fejn kull inizjattiva tal-Gvern hija ttimbrata bħala korrotta, qed tippromovi politika li tippremja lil dak li ma jagħmel xejn.