Il-Gvern se jalloka miljun ewro f’fondi bil-għan li fl-ibliet u rħula madwar Malta u Għawdex jinħolqu aktar spazji ħodor. Dan żvelah il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg waqt l-inawgurazzjoni ta’ ġardin f’Ħad-Dingli li ssemma għal Joseph Farrugia, il-fundatur tal-Għaqda Bdiewa Progressivi.
Il-proġett li inkluda t-tħawwil ta’ 225 siġra indiġena f’art li għal snin twal tħalliet abbandunata sar permezz ta’ fondi tal-Gvern u ħidma mill-Ministeru tal-Ambjent.
Fl-inawgurazzjoni tal-ġnien mill-Ministru Ian Borg u l-Ministru Jose Herrera, ONE News tkellem ma’ Roberta Farrugia Debono, bint il-personaġġ li għalih issemma l-ġnien:
“Il-papà kien midħla ħafna tal-agrikoluta, kellu għal qalbu l-bdiewa, u għalih Ħad-Dingli u l-bdiewa kienu kollox”.
Is-Sindku ta’ Ħad Dingli Sandro Azzopardi qal li d-Diglin għandhom spazju ieħor miftuħ fejn igawdi n-natura.
“Minnu se jkun qed igawdu l-poplu ta’ Ħad-Dingli minn żona fejn kien ikollna diversi ilmenti, llum wieħed jista’ jiġi hawnhekk igawdi ż-żona hawnhekk. F’Jannar li ġej se nagħmlu l-bankijiet sabiex dak li jkun fir-rebbiegħa u fis-sajf ikun jista’ jirrilassa u jgawdi n-natura u l-ambjent li wieħed jista’ jsib f’dan il-Ġardin Joseph Farrugia”.
Il-Ministru Borg u l-Ministru Herrera tennew l-impenn tal-Gvern li jiżdiedu aktar spazji miftuħa fiż-żoni urbani u aktar riġenerazzjoni fl-ambjent.