Ikun aħjar li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jattakkax il-qasam tal-Blockchain, li Malta bi kburija kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li lleġislat favurih biex jinħoloq aktar xogħol, u jkun inċentivat aktar tkabbir ekonomiku.
Dan qalu s-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali, u Innovazzjoni b’reazzjoni għal dak allegat minn Adrian Delia f’intervent fuq ir-radju l-Ħadd filgħodu.
Is-Segretarjat Parlamentari qal dan b’referenza għal allegazzjoni ta’ Adrian Delia l-Ħadd filgħpodu dwar il-bitcoin. Fi stqarrija kien iċċarat ukoll li s-Segretarjat qed jieħu l-passi kollha meħtieġa f’dan il-qasam, fosthom anke permezz tal-Pulizija. Intqal ukoll, kif kontra tal-ħafna insinwazzjonijiet li prova jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, dan il-Gvern se jkun qed jagħti aktar protezzjoni u serħan tal-moħħ anke għall-muniti virtwali bħal ma hi l-bitcoin. Apparti dan, ftit tal-ġimgħat ilu ġiet imnedija kampanja mis-Cyber Security Steering Committee sabiex il-pubbliku jkun infurmat b’attivitajiet frudulenti.
Kien innutat ukoll li fl-intervent fuq il-midja Nazzjonalista tal-Ħadd, Adrian Delia prova jirredikola dak li Malta qed taħdem fl-oqsma tat-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jibqa’ jieħu din l-attitudni, filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jaħdem sabiex jipprepara ekonomija għall-futur billi jkunu maħluqa industriji ġodda permezz tat-teknoloġija AI, e-sports, video-gaming u politika dwar l-ispazju fost oħrajn”, temm jgħid is-Segretarjat Parlamentari.