It-tfal sa sittax-il sena li jbatu mid-Dijabete Tip wieħed se jkunu qed jingħataw patches b’xejn sabiex ikun hemm moniteraġġ fuq il-livell taz-zokkor tagħhom, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fejn spjega li f’Malta u Għawdex bħalissa hawn madwar mija u sittin tifel u tifla b’din it-tip ta’ dijabete.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Konsulent Pedjatriku Dr John Torpiano spjega li dawn il-patches jitwaħħlu fuq l-id jew iż-żaqq.
Qal kif, “Din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi trażmessa lejn il-ġenituri li jistgħu jkunu qegħdin il-bogħod ħafna u anke jitrażmessaw f’call centre li jkunu qed jissorveljaw il-livell taz-zokkor ta’ dak li jkun 24 siegħa kuljum. Jekk ikun hemm li l-livell taz-zokkor ikun qed jitbaxxa u jkun ta’ periklu ħa jkun hemm alert system li javża lil dak li jkun x’għandu jagħmel.”
Permezz ta’ dan is-servizz ġdid dawn il-pazjenti m’għandhomx għalfejn joqogħdu jtaqqbu aktar f’subgħajhom biex jaqraw il-livell taz-zokkor.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li servizz ta’ dan it-tip huwa ta’ l-ewwel xorta tiegħu fid-dinja.
Spjega, “Ħa nkunu prattikament l-ewwel pajjiż fid-dinja fejn is-sistema kollha qiegħda tkopri l-popolazzjoni sħiħa. Hemm bliet jew sptarijiet illi jużawha għall-pazjenti tagħhom imma li hemm pajjiż kollu Malta huwa l-ewwel darba. Apparti d-dijabete, eventwalment imbagħad nestendu għall-mard tal-qalb u pulmun u anke kundizzjonijiet oħrajn iġifieri nagħtu servizz aktar viċin in-nies.”
Iċ-ċentru fejn se jiġi ssorveljat il-livell taz-zokkor se jkun immexxi minn infermiera u professjonisti apposta u jekk jagħti l-każ li l-livell taz-zokkor ikun anke baxx jew għoli ħafna, tista’ anke tintbagħat ambulanza fuq il-post.