Il-Gvern se jagħti mal-miljun ewro lill-għaqda Hospice Malta li toffri servizzi bla ħlas lil pazjenti b’mard terminali u l-qrabathom. B’hekk l-għaqda se tkun tista’ tibqa’ toffri servizzi ta’ kura minn professjonisti għall-pazjent, kif ukoll toffri għajnuna psikoloġika lill-qraba tal-pazjent, kif spjega l-Maniġer ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia.
Huwa spjega: “Min-naħa tagħna, kull sena għandna 1,300 familja li jieħdu servizzi mediċi kif ukoll psikoloġiċi jew ta’ ħaddiem soċjali. Grazzi għal dan il-ftehim, se ntaffu ftit mill-ispiża u nkunu nistgħu nibqgħu noffruh u jibqa’ ta’ kwalità.”
B’dan il-ftehim il-Gvern se jagħmel tajjeb għal aktar minn sebat elef siegħa fis-sena ta’ għajnuna psikoloġika, u għal aktar minn 10,000 siegħa fis-sena għall-kura professjonali.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li din hija l-ewwel darba li dan il-Ministeru se jgħin finanzjarjament lil Hospice Malta, iżda spjega wkoll li tmien ftehmiet oħra li suppost skadew is-sena li għaddiet ġew imġedda. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ servizzi, fosthom counselling fil-komunità u għajnuna għal min hu mirkub mill-vizzji.
Huwa sostna: “Il-koperazzjoni tal-Gvern mal-NGOs hija kbira u għandna mpenn qawwi. Mill-2013, minn €3 miljun, illum tellajniha għal 17-il miljun. Komplejna naħdmu fuq il-ftehmiet li kellna u żidna oħrajn ġodda.”