Il-Gvern se jagħti l-appoġġ lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq il-mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq.
Dan sostnieh il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-paġna tiegħu fuq facebook wara li sar magħruf li din il-mitħna ġarrbet ħsarat kawża tar-riħ qawwi.
Jirriżulta li saret ħsara kbira fil-qlugħ tal-mitħna.
Il-mitħna li anki ġiet imfissra mill-Prim Ministru bħala wirt storiku importanti ġiet mibnija mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwan fis-seklu 18.
Din kienet inbniet mill-Gran Mastru Manoel De Vilhena u hija waħda mill-aktar imtieħen tar-riħ li baqgħet priservata u tiġbed ħafna turisti lejha.