Ħamsin Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex se jkunu qed jibbenefikaw bejniethom minn madwar mitejn u tletin elf ewro f’fondi biex jiżguraw trattament xieraq ta’ annimali abbandunati fil-lokalitajiet.F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li b’dawn il-fondi l-Kunsilli Lokali jistgħu jirranġaw jew jibnu parkeġġi għall-klieb jew qtates, Cat Cafes, servizz ta’ tiswija tal-annimali mingħand il-veterinarju u stazzjonijiet tal-ikel għall-annimali fost l-oħrajn.
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo semma kif skema bħal din se tkun qed tgħin ukoll fil-ħarsien tal-annimali.
Qal kif, “Aħna bħala Ministeru nemmnu illi biex insaħħu l-Animal Welfare hemm bżonn l-ewwel nett nedukaw u però t-tieni prijorità hija li naħdmu mal-Kunsilli Lokali għax hemmek ukoll aħna nemmnu illi x-xogħol mal-Kunsill, il-poplu jkun jista’ jeduka ruħu.”
Il-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali José Herrera laqa’ b’sodisfazzjon ir-rispons pożittiv mill-Kunsilli Lokali u qal kif dan se jkompli jressaq it-tmexxija tar-raħal qrib ir-residenti.
Spjega, “Bi pjaċir ninnota li applikaw ħamsin kunsill għal din l-iskema, aħna se ntuhom tmenin fil-mija ta’ kull spiża u din hija skema illi tgħin lill-kunsilli jkunu viċin in-nies u ċittadini tagħhom u fl-istess ħin tagħti spinta ‘l quddiem l-Animal Welfare.”
Preżenti għall-Konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tal-Gudja Maria Sara Vella, li rrapreżentat wieħed mill-Kunsilli Lokali li applika għal din l-iskema.