Għal darb’oħra l-Gvern qed iservi ta’ spalla għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.
Tħabbret skema ta’ tliet miljun ewro sabiex tittaffa ż-żieda fl-ispejjez tal-produzzjoni agrikola kawża tal-impatt li qed tħalli l-gwerra fl-Ukrajna.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, li spjega li din l-għajnuna se tkun immirata sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jixru l-fertilizzanti li huma neċessarji għar-raba’ tagħhom.
L-għajnuna se tkun qed tingħata f’forma ta’ vawċers li jistgħu jintużaw mill-bdiewa għax-xiri tal-fertilizzanti.
Id-Direttur tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, Louisa Formosa, qalet li l-aġenzija ħarġet sejħa għall-interess sabiex sidien ta’ stabbilimenti li jbigħu l-fertilizzanti jkunu jistgħu jissieħbu f’din l-iskema.
Fil-fatt, il-vawċers, li se jintbagħtu lill-bdiewa fil-ġimgħat li ġejjin, se jkunu jistgħu jissarfu biss fi stabbilimenti tal-imnut identifikati
Il-Ministru Anton Refalo fakkar li din ma kintix l-unika għajnuna li ta dan il-Gvern f’dan il-qasam u qal li l-bdiewa għandhom ċans sa Diċembru sabiex isarrfu dawn il-vawċers.
Qal li “bħalma għamilna fix-xhur li għaddew, fejn aħna tajna diversi skemi u miżuri lill-bdiewa, sajjieda, u raħħala, fosthom il-Price Stabilisation Scheme, aħna se noħorġu skema oħra li tkompli sal-aħħar ta’ Diċembru, fejn minħabba li l-prezz tal-fertilizzant għola, qegħdin aħna nkopru d-differenza bejn li kien u bejn li hu issa, sabiex b’hekk aħna inkomplu nsaħħu dan is-settur tant importanti.”
Ġie spjegat ukoll li din l-iskema se sservi ta’ għajnuna ulterjuri għall-bdiewa li diġà qed jibbenefikaw minn skemi nazzjonali oħrajn maħruġa f’dawn l-aħħar xhur.