Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Ippjanar ħabbar skema ta’ kwart ta’ miljun ewro biex issir manutenzjoni u restawr ta’ każini u klabbs soċjali f’pajjiżna.
L-iskema bl-isem ta’ ‘Irrestawra l-Każin’ se toffri għajnuna lil dawn il-postijiet soċjali b’diversi spejjeż, fi żmien meta l-pandemija ħalliet effett fuq id-dħul tal-każini.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fl-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba spjega kif se taħdem din l-iskema.
“Irrestawra l-Każin, imma kif diġà għedt qed tkopri firxa ta’ postijiet u għaqdiet fl-irħula tagħna. L-iskema tiftaħ dan ix-xahar fit-22 ta’ Settembru u l-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sal-aħħar tan-Novembru. Il-baġit huwa ta’ kwart ta’ miljun u qed nallokaw massimu sa ħamest elef għal kull applikant.”
L-iskema se tkopri wkoll xogħlijiet li saru minn Marzu tas-sena l-oħra u dawk li se jsiru sal-15 ta’ Diċembru li ġej.
Il-Ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar, Aaron Farrugia saħaq kif din l-iskema hija prova oħra tanġibbli ta’ kif bħala pajjiż ser noħorġu aktar b’saħħitna wara l-pandemija.
“L-għan huwa li dawk ix-xogħlijiet li għamlu jew li bi ħsiebhom jagħmlu aħna ngħinuhom fihom għaliex il-pandemija fil-verità tkun laqtithom u allura l-ħsieb tagħna huwa dak ir-restawr u l-manutenzjoni li xorta waħda kellu jsir. Biex b’hekk il-ħsieb tagħna li noħorġu iktar b’saħħitna mill-pandemija inwettquh bil-provi.”
L-għaqdiet huma mħeġġa japplikaw għal dawn il-fondi minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar.