Il-Gvern avża lil Steward Malta li se jkun qed jagħmel ‘control step-in’ biex jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa.
Fi stqarrija l-Gvern qal li reġa’ nnotifika lil Steward li ma kienx qed jaċċetta dak li qalet f’dik li sejħet bħala Termination Notice u minflok kiteb lil Steward li l-‘control step-in’ u t-terminazzjoni se jsiru bil-kundizzjonijiet elenkati mill-Gvern.
Il-pass li ħa l-Gvern ifisser li se jidħol minnufih għat-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet wara l-abbandun minn Steward.
Intqal li għal darb oħra l-Gvern qed jerġa’ jassigura s-servizz lill-pazjenti kollha u l-impjiegi tal-ħaddiema kollha fl-isptarijiet.
Saħaq li qed jittieħdu l-passi kollha biex din it-tranżizzjoni ssir mingħajr interuzzjonijiet fis-servizz.
Dan kollu qed isir mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li hemm quddiem il-Qrati Maltin iżda huma intiżi biex ikomplu jipproteġu l-interess tal-Gvern u l-interess nazzjonali.